Id-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei jirċievi mas-sitt elef kampjun tad-demm kuljum; li minnhom isiru xejn inqas minn għoxrin elf test.
Testijiet li jservu ta’ għodda għat-tobba biex jaslu għad-dijanjożi tal-pazjent.
Iċ-Ċermen tad-Dipartiment tal-Patoloġija Dr Chris Barbara, spjega li l-maġġoranza tal-kampjuni – li jistgħu jkunu tad-demm, tal-awrina jew tessuti li jittieħdu waqt operazzjoni, jaslu mill-Isptar Mater Dei; iżda mhux biss.
Qal li “Għandna sptarijiet oħra bħall-Isptar Monte Karmeli u Zammit Clapp imbagħad hemm iċ-ċentri tas-saħħa li minnhom kuljum jaslulna kwantita kbira ta’ kampjuni u hemm it-tobba tal-familja li għandu menu ta’ tests li jista’ jibgħat hawnhekk u jsiru kollha bla ħlas. Mill-Isptar t’Għawdex ukoll jaslulna kwantitá ta’ kampjuni.” Fid-dawl li kulma jmur, ix-xjenza dejjem qed tavvanza, kull sena jiddaħħlu testijiet ġodda – uħud minnhom speċjalizzati. F’każ li jkun hawn domanda għalihom f’pajjiżna, id-Dipartiment tal-Patoloġija jimbarka fuq ħidma biex jibdew isiru Malta wkoll, ħalli mhux biss il-pazjent jinqeda qabel iżda jiġu ffrankati wkoll l-ispejjeż.
Spjega li “Aħna l-ewwel li nagħtu priorita huma l-pazjenti li qegħdin fl-Emerġenza u fl-ITU għax dawn ikunu kritiċi allura dawn ftit minuti u sekondi għax dik hija emerġenza kbira pero mbagħad affarijiet ta’ rutina jieħdu ġurnata jew tnejn. Hemm testijiet oħra li nippruvaw inkabbru l-mikrobi, nippruvaw l-antibijotiċi li bniedem għandu juża kontra xi infezzjoni allura f’dak il-każ jieħdu numru ta’ ġranet it-testijiet.”
Dr Barbara spjega li b’differenza għall-passat, meta r-riżultati kienu joħorġu fuq karta u jiġu impustati għand il-pazjent, illum kollox jinħażen f’sistema kompjuterizzata msejħa “Clinical Manager”, li permezz tagħha dak li jkun ikollu aċċess għar-riżultat fil-ħin li joħroġ.
Barbara qal li “Qed noffru dan is-servizz lit-tobba tal-familja bis-sistema tal-MyHealth u llum anki r-request tat-test qed jagħmluh b’mod elettroniku.”
Dan kollu jsir fi sfond ta’ ħidma bla preċedent ta’ mijiet ta’ professjonisti.
Ħidma li ġiet rikonoxxuta mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, meta fl-aħħar xhur, wara proċess rigoruż minn spetturi internazzjonali, tat ċertifikat t’eċċellenza lil wieħed mil-laboratorji fl-Isptar Mater Dei.
Dr. Barbara temm jgħid li d-Dipartiment tal-Patoloġija qed jaħdem id f’id mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u ċ-Ċentru tal-Mard fi Stokkolma fl-Iżvezja biex eventwalment it-tletin laboratorju fl-Isptar Mater Dei kollha jiġu rikonoxxuti internazzjonalment, ħalli jiżguraw l-aqwa kwalità għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.