Fil-ġimgħat li għaddew, minn Ġunju lil hawn, f’Malta feġġew sitt każijiet ta’ ħosba.
Dan wara li għal sentejn sħaħ, din il-marda kienet għebet għal kollox minn pajjiżna.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li ħames każijiet minn dawn is-sitta, ġew impurtati minn barra ‘l pajjiż.
Sostniet li “Aħna kellna stat ta’ ilipenazzjoni li kien ikkonfermat ukoll mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, pero minn Ġunju ‘l hawn rajna li kellna numru ta’ każijiet li ġew impurtati minn barra. Fil-fatt ġew rappurtati ħames każijiet li dawn in-nies kienu qiegħdin barra minn Malta, imbagħad meta ġew hawnhekk, tfaċċatilhom din il-marda. Barra minn hekk kellna każ wieħed li nfetta minn dawn il-każijiet.”
Dr Gauci spjegat kif mill-ħames każijiet ta’ ħosba importata, tnejn huma Maltin, u tlieta oħra huma barranin.
Spjegat li dan minħabba li madwar l-Ewropa hawn ħafna każijiet ifeġġu, bil-ħosba tfeġġ b’qawwa kbira fir-Repubblika Ċeka, l-Kroazja, Franza, l-Greċja, l-Italja, r-Rumanija, l-Islovakkja, u r-Renju Unit. Mill-ewwel tas-sena ‘l hawn, fil-fatt, f’dawn il-pajjiżi l-ħosba qatlet wieħed u tletin persuna.
Dr Gauci saħqet ukoll fuq l-importanza tat-tilqim, fejn qalet li dawk l-adulti li għadhom ma ħadux il-ħosba, għandhom jitkellmu mat-tabib biex jitlaqqmu.
Gauci spjegat li “Huwa importanti ħafna li kulħadd jassikura ruħu li huwa mlaqqam għall-ħosba.. it-tilqima tal-ħosba għandha forma ta’ MMR li tipproteġik minn tliet tipi ta’ mard differenti.”
Dr Gauci kompliet tgħid li bħalissa, d-Dipartiment tas-Saħħa għaddej bi proċess ta’ konteniment, fejn dawk kollha li qabdithom il-ħosba qed jinġiebu l-Isptar, u ġew ittestjati wkoll iċ-ċrieki tan-nies li kienu madwarhom, b’dawk li ma kienux imlaqqmin, jitlaqqmu.
Fl-aħħar nett, hija appellat lill-pubbliku biex jara li jitlaqqam kemm jista’ jkun malajr, u biex jekk jinnota xi sintomi tal-ħosba, jitkellem mill-ewwel mat-tabib tiegħu.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon, qal li fl-isptar kollox jinsab lest għal kull eventwalità.