Iż-żieda fir-rotot ta’ linji tal-ajru li joperaw minn u lejn Malta kienet raġuni ewlenija għall-ammont rekord ta’ turisti li żaru l-Gżejjer Maltin fl-ewwel sitt xhur tal-2018.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega ma’ one.com.mt li ċ-ċifri maħruġa iktar kmieni llum huma wkoll frott ħidma għaqlija mill-Gvern f’dan is-settur.
Il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern ikkommetta ruħu li jifrex kemm jista jkun it-turist fuq tnax-il xahar. Fejn is-soltu x-xhur tas-sajf kienu jkunu l-iktar bieżla għall-qasam turistiku, l-2018 fissret żidiet qawwija ta’ turisti f’Jannar u Frar, u bejn April u Ġunju. Fattur li għalih, il-Ministru wera s-sodisfazzjon tiegħu.
Il-Ministru ssokta jgħid li l-isfida għas-snin li ġejjin se tkun biex Malta tkompli tiftaħ swieq ġodda, bħal dak Skandinavu lejn Kopenhagen, li preżentament mmhux servut. Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru se tħares ukoll lejn l-Afrika ta’ Fuq fis-sena li ġejja, u lejn destinazzjonijiet barra mill-Ewropa fl-2020.