Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul Ġunju li għadda żaru pajjiżna kważi 266,000 turist, jiġifieri żieda ta’ 14.5% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
L-NSO qal li f’Ġunju l-għadd ta’ ljliei li t-turisti raqdu f’Malta żdiedu wkoll bi 15.5% u qabżu l-1,8,000,000 lejl. Is-suq Ingliż baqa’ l-aktar wieħed b’saħħtu segwit minn dak Ġermaniż u Franċiż.
Iċ-ċifri juru wkoll li l-infiq tat-turisti matul Ġunju kien ta’ kważi €213,000,000, kważi żieda ta’ 10% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Imqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, il-wasliet tat-turisti f’Malta żdiedu b’aktar minn 17%. Fil-fatt bejn Jannar u Ġunju kienu aktar minn 1,162,000 turist li żaru pajjiżna.
L-NSO qal li n-nefqa tat-turisti f’Malta fl-ewwel sitt xhur tas-sena kienet tammonta għal kważi €841 miljun, żieda ta’ 11.6% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Ras għal ras it-turisti nefqu medja ta’ 723 ewro waqt iż-żjara tagħhom f’Malta.