Dan is-sajf tniedew sessjonijiet ta’ qari għall-anzjani, fejn kull ġimgħa jisimgħu storja u wara jiddiskutuha ma’ anzjani oħra li jkunu semgħu l-istess narrattiva.
Dan is-servizz inbeda f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa, u mistenni jinfirex madwar Malta u Għawdex kollha. Is-sessjonijiet ta’ qari ser isiru darba fil-ġimgħa tul is-sena kollha, fejn l-anzjani ser ikunu qed jisimgħu stejjer bil-Malti minn kotba bħal rumanzi, kif ukoll oħrajn b’temi satiriċi.
Prezenti għat-tnedija kien hemm is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, li saħaq dwar l-importanza tal-qari u l-imħabba lejn il-kotba, li huma mezz ta’ kif wieħed jiżviluppa ħsibijietu u fl-istess waqt japrezza iktar il-letteratura u l-lingwi.