Lidl Malta se tneħħi prodotti tal-plastik mill-ħwienet tagħha bħala parti minn strateġija ikbar biex jitnaqqas l-użu tal-plastik b’20% sal-aħħar tal-2025. Il-Kumpanija qed telimina plastik li jintrema bħal tazzi, platti u pożati fit-8 iħwienet mifruxa mal-gżejjer Maltin sal-aħħar tal-2019. Dawn il-prodotti ser ikunu mibdula ma’ prodotti alternattivi riċiklabbli li l-Kumpanija qed taħdem fuqhom bħalissa mal-fornituri tagħha. It-tieni pass huwa li l-Lidl tneħħi u tibdel il-pożati u straws tal-plastik.
“Aħna qed naddottaw strateġija ċara biex innaqqsu l- użu tal-plastik, li hi: evita – naqqas – irriċikla. Billi nneħħu oġġetti li jintremew wara l-użu tagħhom, aħna nkunu qed nevitaw l-użu tal-plastik u b’hekk nikontribwixxu għat-tnaqqis tal- użu ta’ dan il-materjal”, qal Mark Farrugia, id-Direttur Reġjonali ta’ Lidl Malta.
Lidl Malta qed tippjana li tbiegħ dawk il-kwantitajiet li diġà nxtraw, u suċċessivament teqleb għall-prodotti alternattivi. B’dan il-mod, il-klijenti xorta se jkollhom aċċess għall-prodotti li huma familjari magħhom.