Midja; mezz biex tikkomunika man-nies, pajjiżi differenti u mad-dinja kollha.
It-tisħiħ tal-midja huwa sinjal ta’ demokrazija b’saħħita u ħadd ma jista’ jiċħad l-irwol tal-midja fit-tfassil tas-soċjetà. Għalhekk, il-midja għandha responsabbiltà kbira fuq spallejha. Huwa id-dmir tal-midja li tinforma u tiggwida lill-qarrejja tagħha dwar dak li qed jiġri madwarhom billi tippreżenta l-fatti kif inhuma. Il-mezzi tax-xandir għandhom ukoll l-obbligu li jagħmlu distinzjoni bejn dak li hu fatt u opinjoni. Meta kont Brussell qabel u waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew, niftakar bid-deċizjoni li ħa l-poplu tar-Renju Unit dwar il-futur ta’ pajjiżhom fl-Unjoni Ewropea. Din id-deċizjoni issorprendiet lil kulħadd u niftakar diskussjonijiet informali dwar l-irwol li kellha l-midja Ingliża f’din id-deċizjoni. Nifhem li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa importanti ħafna, iżda, ma’ din id-dritt jiġu wkoll obbligi lejn is-soċjetà. Nafu wkoll li l-iżvilupp teknoloġiku u dak tal-midja soċjali, ġabu tibdiliet kbar. Facebook, fost l-oħrajn, biddel il-mod kif il-bniedem jikseb l-informazzjoni bil-konsegwenza li l-midja qeda tħossha meddha. Dan il-fenomenu jinħass f’pajjizna wkoll, u l-istatistika tikkonfermah, u huwa propju għalhekk, u ħafna aktar minn qatt qabel li l-midja jeħtieġ li tkun aktar attenta li tkun oġġettiva u tippreżenta r-realtà kif tkun mingħajr ebda drama.
Tul dawn l-aħħar 15-il xahar, f’pajjizna, id-distinzjoni bejn “analiżi” u “aħbarijiet” ġiet imċajpra kważi sal-punt ta’ estinzjoni, għaliex sfortunatament xi ġurnalisti bdew jirrapurtaw ċertu stejjer abbazi tal-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom, ħallew l-emozzjonijiet personalijiċajpru l-oġġettività.
Għaddiet iktar minn ġimgħa minn meta ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali dwar il-każ Egrant. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Maġistrat Bugeja ma sab xejn li kienet twassal għal akkużi li saru fil-konfront tal-mara tal-Prim Ministru. Naturalment, l-attenzjoni tal-midja tul dawn l-aħħar jiem kienet iffukata fuq din l-aħbar ta’ interess nazzjonali. L-istorja li ħakmet lill-pajjiżna għal iktar minn sena fl-aħħar waslet fi tmiemha. Issa li kien żvelat li l-istorja Egrant kienet gidba fabbrikata mill-bidu sal-aħħar fejn l-għan ewlieni kien wieħed li jagħmel ħsara u jxekkelir-reputazzjoni ta’ Gvern li kien qed jikseb suċċessi f’setturi varji, nistgħu nirriflettu fuq l-iżbalji li saru. X’kienet l-irwol tal-midja f’dan kollu u x’tista’ tagħmel il-midja biex tibqa’ rilevanti?
Naħseb kulħadd jiftakar x’ġara dakinhar li ħarġet din l-istorja, il-mezzi tax-xandir kienu invażati b’xandiriet speċjali, stejjer u ritratti fuq il-midja soċjali. Kull storja kienet opinjoni ppreżentata bħala aħbar u kull opinjoni imxiet fl-istess direzzjoni. Ftit kienu dawk stennew qabel ippublikaw l-istorja għaliex pruvaw jaslu għal verità billi janaliżżaw il-fatti. Minflok, rajna l-kollass totali tal-istandards fejn il-bilanċ li suppost jeżisti fil-ġurnaliżmu għeb fix-xejn. Nafu li teżisti kompetizzjoni qawwija fost il-mezzi tax-xandir kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Kulħadd ikun irid li jkun hu l-ewwel li jirrapporta storja. Dan il-fenomenu nifhmu imma nemmen li huwa perikoluż. Dan m’għandux jkun l-għan prinċipali tal-midja għaliex b’dan il-mod, l-iżbalji fir-rappurtaġġ jinfirxu aktar malajr u in-nuqqas ta’ skrutinju jista’ jikkawża ħsara kbira.
Il-midja għanda saħħa kbira għaliex għanda l-kapaċità tinfluwenza l-mentalità tan-nies kif trid. Għalhekk il-midja għandha tiffoka li tiggwida u teduka lin-nies b’mod korrett. Għalhekk din l-istorja għandha tgħallimna u ħadt gost li rajt ċertu kitbiet anke minn ġurnalisti prominenti f’dan ir-rigward. Valur importanti tad-demokrazija huwa li tipproteġi l-libertà tal-istampa, iżda din il-liberta ġġorr magħha responsabbiltà etika. Il-midja għanda l-obbligu li tipprovdi liċ-ċittadini b’bilanċ aħjar ta’ aħbarijiet u analiżi.
Bħala poplu, aħna dejjem se nkunu interessati fil-politika għaliex hija xi ħaġa li nitrabbew fiha, iżda il-midja tista’ tkun ta’ bilanċ fil-proċess politiku; mod kif wieħed jaħseb bil-għaqal fid-diskors politiku. Qed ngħixu f’soċjetà li tiddependi fuq informazzjoni u komunikazzjoni kontinwa, u b’hekk il-midja għandha rwol sinjifikanti fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha. Nittama li dan it-terrimot politiku jservi ta’ tagħlima importanti u li qatt ma nerġgħu nirrepetu l-istess żbalji għal fini tal-futur tagħna stess.