Meta nippjanaw vaganza rari noqgħodu naħsbu fuq il-problemi li nistgħu niltaqgħu magħhom. Il-ħsibijiet tagħna jieħduna fuq il-postijiet li ser inżuru u l-pjaċir li ser nieħdu mal-familja jew ħbieb tagħna. Waqt li aħna nistgħu nagħmlu ħilitna biex nippjanaw il-vaganza perfetta, sfortunatament jistgħu jinqalgħu problemi li ma nkunux ħsibna dwarhom. Kif għandna nsolvu dawn il-problemi u min hu responsabbli jipprovdina b’soluzzjoni?
Kollox jiddependi fuq il-parti tal-vjaġġ li kellna problema dwarha u min kien responsabbli tagħha. Jekk per eżempju għandna problema bil-lukanda fejn qed noqgħodu u l-lukanda ġiet ibbukkjata bħala parti minn pakkett ta’ vjaġġ mingħand aġenzija tal-ivjaġġar, mela bħala konsumaturi għandna nilmentaw mal-aġenzija jew mar-rappreżentant tagħha li qed jakkumpanjana fil-vjaġġ u nitolbu biex il-problema tissolva minnufih. Minn naħa l-oħra jekk il-lukanda nkunu bbukkjajniha online u din ma tkunx kif riklamata jew ma nkunux ingħatajna l-kamra li bbukkjajna, l-ilment tagħna għandu jsir direttament mal-lukanda jew mas-sit elettroniku fejn għamilna l-booking.
Bħala konsumaturi għandna dritt li meta niltaqgħu ma problema waqt safar nitolbu rimedju mingħand il-bejjiegħ mingħand min xtrajna dik il-parti tal-vjaġġ. Għaldaqstant jekk per eżempju nkunu ħallasna għal eskursjoni biex inżuru ċertu postijiet partikolari u din l-eskursjoni ma ssirx jew ma nżurux il-postijiet imwegħda fil-pakkett ta’ vjaġġ, l-organizzatur tal-vjaġġ huwa responsabbli li jipprovdina b’kumpens proporzjonat għan-nuqqasijiet li nkunu ġarrabna. Barra minn hekk jekk minħabba xi nuqqasijiet fil-vjaġġ inkunu dħalna fi spejjeż żejda, nistgħu nitolbu rifużjoni ta’ dawn l-ispejjeż mingħand l-organizzatur. Hawnhekk huwa importanti li nippreżentaw l-irċevuta bħala prova tal-ispejjeż żejda li ħallasna. Nistgħu ukoll nitolbu għal danni morali jekk minħabba n-nuqqasijiet li ltqajna magħhom inkunu sofrejna minn inkonvenjent sinjifikanti.
Meta l-problemi li niltaqgħu magħhom waqt il-vjaġġ ikunu kaġun ta’ ċirkustanzi straordinarji, bħal per eżempju maltemp kbir jew xi strajk, bħala konsumaturi ma nistgħux nitolbu kumpens finanzjarju għal dawn in-nuqqasijiet mingħand l-organizzatur tal-vjaġġ.
Hija responsabbiltà tagħna l-konsumaturi li meta tinqala problema waqt vjaġġ nilmentaw mill-ewwel ma’ min kien responsabbli jipprovdina bis-servizz u nagħtuh il-possibbiltà joffrilna soluzzjoni aċċettabbli mingħajr ħlas addizzjonali. F’każ li l-problema ma tissolviex waqt il-vaganza, huwa importanti li niġbru xi evidenza billi nieħdu xi ritratti jew filmat tad-diffikultajiet li ltqajna magħhom biex nippreżentawhom bħala prova meta nagħmlu talba għal kumpens finanzjarju. Barra minn hekk meta problema ma tissolviex fi żmien qasir importanti li nagħmlu l-ilment tagħna bil-miktub u ngħaddu dan l-ilment lir-rappreżentant tal-vjaġġ. F’każ ta’ pakketti ta’ vjaġġ tajjeb li meta nkunu ser nilmentaw nippreżentaw il-kuntratt tax-xiri jew il-programm tal-vjaġġ bħala evidenza li ma ġejniex ipprovduti bil-vaganza imwegħda.
La darba naslu lura mill-vaganza importanti li nikkuntattjaw direttament lill-aġenzija tal-ivjaġġar biex nilmentaw uffiċjalment. Fl-ilment tagħna għandna niktbu ċar għalfejn qed nilmentaw u x’qed nitolbu bħala kumpens. It-talba tagħna għal kumpens għandha tkun waħda ġusta u ragonevoli. Jekk l-aġenzija ma tilqax it-talba tagħna jew toffrilna kumpens li ma jkunx aċċettabbli għalina, imbagħad il-pass li jmiss hu li niftħu lment mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex isir il-proċess ta’ konċiljazzjoni bi skop li jintlaħaq ftehim amikevoli. F’każ li l-anqas dan il-proċess ma jwassal għal ftehim, bħala konsumaturi għandna l-possibbiltà li nieħdu t-talba tagħna quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.