Il-proġett propost għall-iżvilupp tat-torri residenzjali Townsquare f’Tas-Sliema, se jkun għoli sebgħa u għoxrin sular, ħdax-il sular anqas minn dak propost oriġinarjament.
Ħabbru dan l-iżviluppaturi tal-proġett Townsquare fl-applikazzjoni l-ġdida li ressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
L-iżviluppaturi kienu qegħdin jipproponu torri ta’ tmienja u tletin sular.F’Mejju li għadda t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar talab lill-iżviluppaturi sabiex jibdew il-proċess tal-applikazzjoni mill-bidu nett wara li laqa’ l-appelli separati mressqa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u għadd ta’ għaqdiet ambjentali li argumentaw li l-istudji dwar l-impatt soċjali u tat-traffiku ma ġewx ippreżentati.
Kelliem għall-proġett Townsquare qal li d-disinn il-ġdid jindirizza b’mod komprensiv it-talba għal reviżjoni fid-deċiżjoni tal-appell. Qal li l-proġett se tnaqqas l-għoli tat-torri b’37 metru u se twassal biex l-impatt viżwali tal-proġett jonqos b’mod drammatiku.
L-iżviluppaturi żiedu jgħidu li minkejja li tnaqqis fis-sulari, il-proġett mifrux fuq medda ta’ 12-il elf metru kwadru se jżomm l-istess spazji miftuħa għall-pubbliku.
Il-proġett Townsquare f’Tas-Sliema se jikkonsisti f’mija disgħa u ħamsin appartament, stabbilimenti, ristoranti u ċentru kummerċjali.
Bħala parti mill-proġett, l-iżviluppaturi se jirrestawraw ukoll Villa Drago, propjetà storika fil-qalba ta’ Tas-Sliema u tagħme parti integrali mill-proġett.