Quddiem il-Qorti deher Antonio Briffa, akkużat li f’Jannar tal-2013 dawwar flus bi profitt għalih għad-dannu tal-kumpanija li tħaddmu.
Il-Pulizija irċeviet rapport mingħand John Agius, Direttur Maniġerjali tal- Kumpanija Star Fruit Limited, li Antonio Briffa impjegat bħala Sales u Delivery Person, li kien inkarigat jigbor flus dovuti lill-kumpanija tal-kunsinni li kien jagħmel, kien qed jiġbor il-flus mingħand il-klijenti għan-nom tal-kumpanija, iżda minflok ma kien qed jiddepożita, jew jgħaddi dawn il- flus għand is-sid kif suppost kellu jagħmel, kien qed joħodhom ghalih. Huwa kien qiegħed idawwar il-flus bi profit għalih innifsu jew għal ħaddiehor. Din is-somma hija stmata li tlaħħaq madwar €11,000.
Agius rraporta li din ma kinetx l-ewwel darba li Briffa ġabar flus f’isem il-kumpanija u żammhom għalih. Tant li kien sar rapport mal-pulizija illi Briffa kien miżapproprija flus dovuti lill-kumpanija liema somma tlaħħaq aktar minn €90,000 u li fuq dan il-każ hemm proċeduri għaddejjin il-Qorti.
F’Marzu 2013, il-pulizija kellmet lil Antonio Briffa, li stqarr li kien wasal sabiex jagħmel dan għaliex ma kellux flus biżejjed sabiex jgħixu hu u familtu. Dan minħabba l-fatt illi ċ-ċekk tal-paga kien ‘kostrett’ illi jiffirmah minn wara u dan jerga’ jgħaddih lura għand il-kumpanija sabiex ikun jista’ jaqta’ dejn ta’ aktar minn €90,000 li spiċċa tella’ mal-kumpanija.
L-imputat stqarr li ma kienx ghamel rapport mal-Employment Relations Unit rigward il-fatt illi hu kien qed jaħdem u ma jieħux paga lura mieghu d-dar u qal li l-familja tiegħu kienet tinsab fi kriżi finanzjara kbira.
“Għin ruħek biex Alla jgħinek” intqal mill-Maġsitrat Joseph Mifsud. Innota li hemm ħafna mezzi onesti li permezz tagħhom persuna tkun tista’ ġġib il-flus – dment li tkun trid tmidd idejk u taħdem. Dan filwaqt li l-Qorti tifhem ukoll id-diffikultajiet li persuni bħall-imputat ikollhom.
Antonio Briffa ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija u kien ordnat iħallas lill-vittma €11,000. Barra minn hekk kien immultat elf ewro disprezz għaliex m’attendiex il-Qorti nhar il-Ġimgħa meta kellha tingħata s-sentenza.