L-Ewroparlamentari Alfred Sant qal illum li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħa deċiżjoni mill-aktar għaqlija meta sejjaħ elezzjoni bikrija, anke jekk b’hekk issagrifika sena mill-mandat ta’ tmexxija li diġa` kellu. B’dan il-mod, imblokka l-opportunita` ta’ taħwid l-imħuħ li kienet infetħet u li l-Oppożizzjoni żgur kienet tapprofitta ruħha minnha bla skruplu ta’ xejn.
Dr Sant qal li li kieku l-aħħar elezzjoni saret fi żmienha, ir-rapport tal-investigazzjoni ġudizjarja fuq il-każ tal-Egrant xorta kien jixxandar wara li tkun inżammet. Fil-frattemp, il-magna ta’ propaganda tal-PN kienet tibqa’ tfajjar l-akkużi u timmonta t-tmaqdir lill-gvern minn barra l-pajjiż matul kampanja elettorali mtawla.
Imxiet hekk wara li tilfet l-elezzjoni b’marġini rekord. Aħseb u ara kieku kienet għadha qed tistenna elezzjoni riesqa. Kull allegazzjoni kienet tingħata widen, kull invenzjoni ssir verità u min jivventa l-aktar, jispiċċa l-akbar qaddis… waqt li l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja.