Biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-għaqdiet taż-żgħażagħ Għawdxin ser jorganizza clean-up event u attivitajiet oħra fil-bajja popolari ta’ Marsalforn.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din l-inizjattiva qed issir wara li kellha xi laqgħat maż-żgħażagħ Għawdxin fejn urew l-interess li joħolqu attività fil-jum iddedikat għaż-żgħażagħ. Hija qalet li l-Ministeru għal Għawdex jinkoraġixxi u japprezza l-involviment dirett taż-żgħażagħ fl-aspetti kollha li jsawru l-ħajja u l-komunità f’Għawdex. Hi qalet li ż-żgħażagħ, bl-enerġija u l-ideat tagħhom, jagħtu kontribut dirett lis-soċjetà biex ikompli jitjieb il-livell u l-kwalità tal-ħajja fil-gżira.
Il-Ministru għal Għawdex fakkret kif dan il-Gvern jemmem bis-sħiħ fil-valuri, l-abbilitajiet u l-inizjattivi li jieħdu ż-żgħażagħ. Tant hu hekk li l-Gvern qed jagħtihom aktar għarfien billi tahom is-setgħa li jivvutaw ta’ 16-il sena.
Caruana qalet li din l-attività se tgħaqqad l-attiviżmu u l-enerġija taż-żgħażagħ mal-aġenda ambjentali, li hi waħda importanti fil-gżira Għawdxija. Din l-attività ser turi b’mod konkret li ż-żgħażagħ għandhom għal qalbhom lil Għawdex fejn ser tingħata attenzjoni partikolari lill-bajja ta’ Marsalforn.
Marco Schembri, il-persuna li qed torganizza din l-attività, qal li ż-żgħażagħ qed juru interess f’din l-inizjattiva u ħeġġeġ biex aktar żgħażagħ jingħaqdu flimkien biex il-clean-up tkun suċċess.
Din l-attività ser issir nhar il-Ħadd, 12 ta’ Awwissu 2018 u ser tibda fis-1.30pm.