Is-Sibt 21 ta’ Lulju naħseb li kien Sibt fenominali mill-perspettiva kulturali.
Eluf ħonqu l-fosos, fejn kellna l-kunċert ta’ Joseph Calleja, bis-sehem ta’ Eros Ramazzotti u ta’ Emma Muscat fost oħrajn. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kienet eċċezzjonali. Kien hemm ukoll il-kor tat-tfal. Sfortunatament ma tantx kellhom iċ-ċans li juru l-ħila tagħhom għax il-vuċi tal-kor intradmet. Ħasra għax minn jaf kemm kienu ppreparati u eċitati. Jekk mhux sejjer żball, is-sena l-oħra kellhom opportunità li jkunu huma l-attrazzjoni f’numru wieħed mużikali. Billi l-kunċert tas-sena d-dieħla diġa hu reklamat u ser nerġgħu naraw lil Andrea Bocelli jakkumpanja lil Joseph Calleia, nissuġerixxi li l-kor ikollhom l-ħin tagħhom. Meraviljuż u professjonali kien il-palk.
Imma il-kunċert ta’ Joseph Calleia ma kienx l-unika attrazzjoni. Is-sajf joffrilna vetrina tal-aqwa ħiliet kulturali li għandna f’pajjiżna, flimkien ma’ esponenti minn pajjiżi oħra permezz tal-Festival Internazzjonali tal-Arti taħt it-tmexxija dinamika ta’ Festivals Malta. Fi Pjazza Teatru Rjal, kellna wirja oħra mpekkabbli tal-musical oriġinali ‘Il-Ħanina Madalena’. Kulħadd għadu jiftakar ‘Balzunetta Towers’ li rajna s-sena l-oħra. Ma kienitx sorpriża li s-surmast Dominic Galea jerġa jagħtina musical ieħor ta’ kwalità għolja. Taw sehemhom ukoll Simon Bartolo u Loranne Vella. Id-direzzjoni kienet ta’ Josette Ciappara. Kif wieħed jistenna, Chiara, Amber, Dorothy Bezzina, Leontine u l-bqija tal-kast taw pjaċir lill-udjenza.
Għal min iħobb il-Jazz, is-Sibt 21 ta’ Lulju offra xi ħaġa oħra meraviljuża. Fil-post tradizzjonali Ta’ Liesse, il-famuż Chick Corea Trio reġa paxxa in-nies bil-mużika jazz tiegħu. Is-serata kienet tinkludi lill-Portugiż João Bosco.
In-nies ikkonkorrew bi ħġarhom, xhieda li llum saret tfittex avvenimenti kulturali. U ngħiduha kif inhi, dawn ma’ kienux l-uniċi attivitajiet li kellna. Kien hemm festival tal-inbid, festi f’diversi inħawi ta’ Malta u Għawdex u fis-swali taċ-ċinema, ma naqsux in-nies li marru jaraw ‘Mamma Mia! Here We Go Again’.