L-istoriku u professur tal-università Godfrey Pirotta qal li qatt ma kien hemm attakk aħrax fuq Prim Ministru u familtu daqs dak ta’ Egrant.
Meta kien qed jitkellem fil-programm Pjazza li qed jixxandar kuljum qabel l-aħbarijiet, il-Professur Pirotta ta ħarsa storika lejn il-mod kif jaħdem il-Partit Nazzjonalista meta jkun fil-oppożizzjoni.
Pirotta jgħid li “Waħda li tattakka l-familja tal-Prim Ministru iktar milli l-politika tiegħu biss ma rajtx. Imma rrid nfakkar li din mhux l-ewwel darba li kellna storja biex jipprovaw iwaqqgħu il-gvern. Fis-sebgħinijiet provaw jixtru parlamentari. Għandna storja f’dan il-pajjiż kultant miskina li d-demokrazija. Ngħoddu l-voti u meta n-nies jiddeċiedu rridu nneħħulhom l-għażla tagħhom b’xi mod qarrieqi.”
Għal Professur Pirotta hemm responsabbiltà ċara x’tinġarr u dan għax mill-ewwel jum min ivvinta din il-gidba deher ċar li kellu għanijiet x’jilħaq. Fost oħrajn li jieqaf il-pajjiż.
Qal li “Irrid li r-responsabbiltà tinġarr. Tinġarr minn dawk in-nies. Ukoll għandek responsabbiltà. Aħseb u ara tipprova twaqqaf pajjiż x’responsabbiltà. Hemm. Din l-istorja jien kont għidt żewġ affarijiet li Joseph Muscat ikkonvinċini mill-ewwel li l-istorja mhux vera u kuljum baqa’ jsostni li hemm bżonn tittieħed ir-responsabbiltà.”
Jirriżulta li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kienu mdejqa bil-fatt li l-pajjiż kien qed jikseb suċċess fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.