Il-kumpanija Kanadiżi Maricann, involuta fil-qasam tal-produzzjoni tal-kannabis mediċinali mistennija tiftaħ impjant f’Malta b’investiment ta’ għaxar miljun ewro.
Fix-xhur li għaddew il-Parlament approva l-liġi dwar il-produzzjoni tal-Kannabis għall-Użu Mediċinali b’bosta kumpaniji internazzjonali jkomplu juru interess li jinvestu f’Malta.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, ikkonferma li l-Malta Enterprise, irċieva ittra ta’ interes mill-kumpanija Maricann. Madankollu qalu li l-kumpanija għad trid tikseb il-liċenzja mingħand l-Awtorità tal-Mediċini.
Huwa spjega li fl-ewwel tliet snin mindu tibda l-operat tagħha, l-kumpanija se tinvesti flusha biex tkabbar is-sit, tixtri l-makkinarju, u tinvesti fir-riżors uman.
Dr Cardona qal li ladarba l-kumpanija tingħata l-liċenzja, il-Gvern se jallokalha kważi tliet mitt elf metru kwadru ta’ art biex tibda l-operat tagħha f’Malta.
Il-Ministru Cardona żied jgħid li l-liġi qed isservi ta’ konferma għal dawn il-kumpaniji, li se jkunu qed joperaw f’ambjent regolat mill-Gvern.
Intant f’intervista ma’ midja internazzjonali, il-Kap Eżekuttiv ta’ Maricann fisser lil Malta bħala l-iktar pajjiż regolat fid-dinja.
Saħansitra jżid, li Malta tinsab snin ’l quddiem meta mqabbla ma’ pajjiżi bħal Kanada.
Is-Sur Ward temm jgħid li f’għajnejh, u f’għajnejn il-kumpanija mmexxija minnu, Malta se sservi ta’ ċentru ta’ esportazzjoni ta’ prodotti mediċinali mhux biss għall-Ewropa, iżda wkoll għad-dinja.