F’temp ta’ ftit minuti l-Pulizija ġew infurmati b’serqa f’ħanut f’Ħal Tarxien u serqa minn ħanut f’Birkirkara.
Kien ftit wara t-tlieta ta’ wara nofsinhar fejn f’Ħal Tarxien, persuna mhux magħrufa u mgħammda daħlet f’ħanut tal-Convenience fi Triq Santa Monika armata b’sikkina.
Skont il-pulizija, il-persuna talbet il-flus lill-ħaddiema u minnufih ħatfet il-cash register u ħarbet biha.
Hu mifhum li l-ħalliel seraq ammont ta’ flus u ħarab permezz ta’ vann.
Numru ta’ karozzi tal-pulizija waslu minnufih wara, fejn uffiċjal tal-pulizija deher ikellem għadd ta’ ġirien u jipprova jikseb aktar tagħrif dwar il-każ.
Intant f’Birkirkara, fi Triq in-Naxxar persuna mhux magħrufa kissret ħġieġa ta’ ħanut tal-ħwejjeġ tat-tfal.
Nies li raw x’qed jiġri qalu lil dan l-istazzjon li l-allegat ħalliel weġġa’ hekk kif kisser il-ħġieġa.
Filfatt esperti forensiċi dehru fuq il-post jinvestigaw dmija li ħalla warajh il-ħalliel li f’dan il-każ ukoll seraq cash register li kien hemm fil-ħanut magħluq.
Il-pulizija wettqet diversi tfittxijiet għaż-żewġ każijiet separati.