Raġuni oħra għaliex Simon Busuttil għandu jirriżenja minn kull kariga li għandu hi dik li kien lest jimmina l-interess nazzjonali fuq gidba.
Tkellmu dwar dan, is-Segretarji Parlamentari Aaron Farrugia u Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha fakkru f’azzjonijiet li ħadu Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista fl-ewwel xhur tas-sena li għaddiet.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia fakkar kif il-qofol tal-frame up politiku bbażat fuq dokumenti b’firem foloz seħħ fi żmien li Malta kellha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Spjega kif riedu li Malta tidher ikrah f’mument fejn għajnejn l-Ewropa kienet fuqna. “Il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea kienet suċċess minkejja l-attakk ta’ Simon Busuttil,” qal Farrugia li fisser kif il-fatt li l-poplu Malti qam għall-okkażjoni ma jneħħi xejn mill-ħsara li prova jagħmel l-eks Kap tal-Oppożizzjoni. Spjega kif fetħu attakk fuq il-Prim Ministru u familtu għax kien qed jagħmel biċċa xogħol tajba mal-istituzzjonijiet Ewropej.
L-istess provaw jimminaw is-servizzi finanzjarji li joħolqu tant impjiegi u opportunitajiet. Silvio Schembri rrefera għal-laqgħat li saru ma’ ħaddiema u investituri jipprovaw jbeżżugħhom li minħabba dak li kien qed jiġri l-operaturi f’dawn is-servizzi kienu se jitilqu ‘l barra. “U dan kollu fuq gidba. Dan kollu fuq dokumenti foloz,” qal Schembri. Is-Segretarju Parlamentari tenna li l-pajjiż baqa’ miexi ‘l quddiem minkejja Simon Busuttil, grazzi għall-bżulija tal-gvern u l-poplu tiegħu. Minkejja dan kienu l-poplu emmen lil Simon Busuttil illum pajjiżna kien jiffaċja elezzjoni għax kien ikun skopert li rebaħ elezzjoni fuq gidba.
Silvio Schembri qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jaf sew x’inhu l-pass li għandu jieħu u l-ebda skuża ma tkun valida biex imur pass lura minn dak li qal li se jagħmel. Għax, post Simon Busuttil, m’għadux fil-politika.