Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dejn tal-Gvern naqas bi kważi tnejn u disgħin miljun ewro (€91.7 miljun) meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri juru wkoll li bejn Jannar u Ġunju li għadda, il-fond konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit ta’ ftit anqas minn €142 miljun.
Imqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet, id-dħul tal-Gvern fl-ewwel sitt xhur żdied bi kważi €70 miljun waqt li n-nefqa tal-Gvern żdiedet bi kważi €120 miljun ewro. Dan wassal għal bidla negattiva fil-finanzi tal-Gvern ta’ madwar €50 miljun.
Iċ-ċifri juru wkoll li dħul tal-Gvern fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien ta’ ftit anqas minn elf u disa mitt miljun ewro waqt li nefqa qabżet l-elfejn miljun ewro.
Iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet b’riżultat ta’ bosta inizijattivi li ħa l-Gvern fosthom żieda ta’ €17-il miljun ewro f’benefiċċji soċjali u €16-il miljun fl-iskejjel tal-Knisja. In-nefqa kapitali żdiedet ukoll b’aktar minn żewġ miljun u sitt mitt elf ewro u telgħet għal kważi 143 miljun ewro. Fost oħrajn ġiet irreġistrat nefqa akbar fuq bini ta’ toroq ġodda.
Iċ-ċifri juru wkoll li l-interessi fuq id-dejn naqsu bi kważi ħames miljun ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.