L-MEP Laburista Miriam Dalli talbet lill-Viċi President Frans Timmermans u lill-Kummissarju Ewropew Vera Jourová biex jikkunsidraw l-aħħar żviluppi politiċi fl-analiżi tagħhom ta’ Malta.
L-MEP Maltija Miriam Dalli għaddiet kopja tal-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-allegazzjonijiet ta’ Egrant lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropeja Frans Timmermans u l-Kummissarju Ewropew Věra Jourová.
“Kont f’diversi laqgħat fejn saru attakki kontra Malta u fejn kien hemm MEPs li ppruvaw għal aktar minn darba jagħmlu pressjoni fuq il-Viċi President Timmermans u l-Kummissarju Jourová biex jieħdu pożizzjoni kontra Malta. Fuq bażi tal-esperjenza tiegħi ta’ dawn il-laqghat, ħassejt li għandi nikkomunika magħhom t-tnejn il-konkluzjonijiet tal-inkjesta maġisterjali fuq l-allegazzjoni tal-Egrant u ninsisti dwar il-ħtieġa li tinżamm l-imparzjalita fi kwalunkwe analiżi li ssir fuq pajjiżna,” sostniet Dr Dalli.
L-ittra liż-żewġ Kummissarji Ewropej issegwi ittri separati li Dr Dalli bagħtet lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u lill-Ewroparlamentari li huma membri tal-kumitat LIBE.
Fl-ittra tagħha lill-Kummissarji Ewropej, Miriam Dalli qalet li Malta kienet ripetutament taħt attakk minn politiċi li bdew jippreżentaw allegazzjonijiet bħala fatti u li ppreferew jaslu għal konklużjonijiet ibbażati fuq stqarrijiet foloz.
“Qed nagħmel din it-talba għaliex l-allegazzjonijiet kontra l-Prim Ministru Malti ġew ripetuti kemm-il darba fl-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari fil-Parlament Ewropew, bil-ħsieb biss li jdgħajjfu lil pajjiżi, Malta,” żiedet tgħid l-MEP Dalli.
L-MEP Miriam Dalli tkellmet dwar il-frame-up orkestrat kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu u kif dokumenti foloz ġew ippreżentati bħala evidenza biex jippruvaw jikkonfermaw allegazzjonijiet li kienu kompletament iffabbrikati.
Il-Maġistrat Inkwirenti intervista viċin-il 500 xhud, ħadem ma’ esperti internazzjonali u ħa 15-il xahar biex jikkonkludi l-investigazzjoni tiegħu bir-reqqa.
Filwaqt li sostniet li hija ħasra li hemm politiċi Maltin li kienu lesti jressqu ‘l quddiem allegazzjonijiet ibbażati biss fuq gideb għal gwadann personali tagħhom, Miriam Dalli talbet lill-Kummissjarji biex jaċċertaw l-imparzjalità fi kwalunkwe analiżi li ssir dwar Malta.