L-MPE Marlene Mizzi mexxiet id-delegazzjoni tal-IMCO f’Shangai u Guangzhou fir-rwol tagħha bħala rappreżentanta tal-Parlament Ewropew u membru tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO). Id-delegazzjoni ltaqgħet ma’ diversi awtoritajiet fosthom il-Kamra tal-Kummerċ tal-UE-Ċina, l-Awtorità tad-Dwana, l-Awtoritajiet tal-Port u s-sindki taż-żewġt ibliet. Id-delegazzjoni kienet tikkonsisti minn parlamentari ta’ partiti differernti, b’Marlene Mizzi tkun il-Kap tad-delegazzjoni.“L-importanza u r-relevanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina m’għandhomx jiġu sottovalutati. F’dan ir-rigward id-delegazzjoni tal-PE ddiskutiet kwistjonijiet importanti li jolqtu liż-żewġ naħat fosthom id-diġitalizzazzjoni, is-sigurtà ċibernetika, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-dwana, is-sorveljanza tas-suq, u ksur tal-IPR (id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali) fost kwistjonijiet oħra, “ qalet l-MPE Mizzi.
Dwar is-Summit UE-Ċina Marlene Mizzi qalet li “ir-riżultati tas-summit f’Beijing se jistabbilixxu l-bażi biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Unjoni. Biex jagħmlu dan, iż-żewġ naħat għandhom qafas ta’ ħidma biex jingħelbu prattiċi frawdolenti, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn id-dwana u l-awtoritajiet biex issir il-qalba għal proċeduri doganali li jagħmlux użu minn karti.” Din tal-aħħar hija fil-fatt mira tal-Unjoni li reġgħet ġiet imtennija permezz tal-adozzjoni leġiżlattiva tal-Port Uniku Diġitali, li tiegħu kienet ir-rapporteur.
“Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll iċ-Ċina huma żewġ atturi ewlenin tal-ekonomija globali, u flimkien irridu nkomplu nsibu modi biex noħolqu qafas doganali aktar sigur u aktar ġust li jibqa’ juża l-għodod moderni biex jassigura li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha favur prattiċi kummerċjali siguri. Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nipproteġu liċ-ċittadini billi nwaqqfu prodotti illegali, mhux siguri u perikolużi milli jidħlu fis-swieq tagħna, kif ukoll biex negħlbu l-ksur tal-IPR,” qalet Marlene Mizzi.