Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ bħala redikolaġni r-reazzjoni tal-11-il deputat Nazzjonalista inkluż tal-eks Viċi Kapijiet li marru fuq Facebook jisfidaw l-awtorità tiegħu biex jiddefendu lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Intervista fil-programm Indepth ta’ The Malta Independent dwar il-kriżi fl-Oppożizzjoni li ġabet magħha l-inkjesta Egrant, Delia saħaq li r-reazzjoni li beda l-eks Viċi Kap Nazzjonalista Mario de Marco fuq Facebook kienet redikola.
“Fl-opinjoni tiegħi hija redikola – redikola li flok mal-membri parlamentari tiegħi jiġu biex ikellmuni u nitħaddtu, imorru fuq il-Facebook naħseb li dik hija redikola”, qal Delia.
Fl-aħħar jiem ħdax-il deputat Nazzjonalista ħarġu qatta’ bla ħabel kontra Delia li sejjaħ għas-sospensjoni tal-eks Kap Nazzjonalista mill-partit wara l-eżitu tal-inkjesta Egrant. Mistoqsi jekk hux se jmur lura mid-deċiżjoni tiegħu, Delia wieġeb hekk:
“Id-deċiżjoni li ħadt tat-tneħħija mix-shadow cabinet dik saret u mhux se nerġa’ lura minnha”.
Hawnhekk tefa’ l-ballun f’saqajn Simon Busuttil u qal li jrid ikun hu li jara jaċċettax l-istedina li saritlu biex jissospendi lilu nnifsu mill-partit.
“Issa Simon Busuttil jrid jara hu r-responsabbiltà li dejjem jgħabbi lil ħaddiehor biha hux se jitgħabbha biha hu wkoll”, żied il-Kap Nazzjonalista.
Sostna li l-Partit Nazzjonalsita ntrabat ma’ karru li tellfu l-elezzjoni bil-kbir u l-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ marbut ma’ dak il-karru.
Mistoqsi jekk id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għandux raġun li l-Prim Ministru mhux suppost għandu kopja tar-raport kollu tal-inkjesta, il-Kap Nazzjonalista qal li m’għandux raġun.
“Jason Azzopardi qed jgħid li hemm artikli tal-liġi li jgħidu mod ieħor – jiena ma naħsibx li legalment u fattwalment għandu raġun”.
Mistoqsi dwar deputati mill-fazzjoni tiegħu li sa ftit tax-xhur ilu kienu jtennu l-allegazzjonijiet tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil dwar il-kumpanija Egrant, Delia qal li dawn m’għandhomx jerfgħu r-responsabbilità politika kif għandu jerfagħha Busuttil għax qal li dawn kienu leali lejn il-kap ta’ dak iż-żmien – xi ħaġa li llum id-deputati mill-fazzjoni ta’ Busuttil mhux qegħdin ikunu fil-konfront tiegħu.
“Naħseb li dawk kollha li segwew lill-kap tal-partit dakinhar imxew b’lealtà lejn il-kap tagħhom u lejn il-partit u forsi llum wieħed jista’ jgħid li mhux qed isir l-istess”.
Mistoqsi dwar Pierre Portelli li mar għand il-Maġistrat b’dokumenti foloz, Delia ddefendih billi stqarr li dak iż-żmien ma kienx fil-Partit Nazzjonalista u ma kienx politiku.
Tul l-intervista ma naqasx ifakkar f’liema stat Simon Busuttil ħalla lill-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.
“Jien meta dħalt fil-partit nazzjonalista sa sibtx xi Partit Nazzjonalista sinjur. Anzi mgħobbi sa ruħu bid-dejn. Dħalt fil-Partit Nazzjonalista meta ġarrab erba’ telfiet infila l-agħar fl-istorja tiegħu”.
Mistoqsi jibqax kap tal-partit f’każ li tgħaddi mozzjoni ta’ sfiduċja kontrih b’appoġġ taż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku bil-konsegwenza li jispiċċa minn kap tal-oppożizzjoni, Delia qal li ma ma jaħsibx li dan se jsir, iżda f’każ li ssir ma jirriżenjax.
“L-interess tagħhom hu li jiddistabilizzaw lill-Partit Nazzjonalista u jneħħu lili…jgħidu li jridu. Jien ma nirriżenjax”, temm jgħid Delia.