Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fi Frar li għadda, is-suq tax-xogħol f’pajjiżna kiber f’sitta punt ħamsa fil-mija. Iċ-ċifri juru wkoll li l-impjiegi ġodda fil-privat żdiedu b’aktar minn 11-il elf waqt li ġei rreġistrat tnaqqis ta’ aktar minn seba mija u sittin ruħ minn fuq il-kotba tal-qgħad.
Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fi Frar li għadda, is-suq tax-xogħol f’Malta ra żieda ta’ sitta fil-mija u laħaq kważi l-mitejn u l-elfejn persuna .
Iċ-ċifri tal-NSO pprovduti mill-aġenzija Jobs Plus juru li meta mqabbel ma’ Frar tal-2017, l-impjiegi full time żdiedu bi kważi 12-il elf u tliet mija waqt li l-qgħad naqas b’aktar minn seba’ mija u sittin ruħ.
L-istatistika turi wkoll li l-impjiegi fis-settur privat żdiedu bi kważi 11-il elf impjieg u laħqu l-153 elf waqt li l-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu bi kważi elf u tliet mija biex issa laħqu ftit aktar minn 46 elf u sitt mija.
L-għadd ta’ persuni jaħdmu għal rashom ra żieda wkoll ta’ kważi tmien mija u tletin ruħ meta mqabbel ma’ Frar tas-sena li għaddiet, filwaqt li n-numru ta’ persuni li jaħdmu ma’ xi kumpanija jew entità żdiedu bi 11,450.
L-akbar kontribut fiż-żieda ta’ impjiegi kien fil-qasam amministrattiv u dak tad-divertiment.
L-istess ċifri juru wkoll li n-numru ta’ nisa li sabu impjieg full time kien aktar minn dak tal-irġiel.
In-numru ta’ persuni li kellhom impjieg part time flimkien ma’ impjieg part time żdied b’aktar minn disa’ fil-mija u laħqu aktar minn 26 elf ruħ waqt li dawk b’impjieg part time laħqu kważi l-35 elf persuna, żieda ta’ kważi tlieta fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.