Il-Prim Ministru tenna l-intenzjoni tiegħu li jippubblika l-inkjesta indipendenti dwar Egrant tal-Maġistrat Aaron Bugeja b’mod sħiħ.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li bħalissa jinsab għaddej proċess fejn l-inkjesta voluminuża qed tiġi analizzata bir-reqqa sabiex jaċċerta li l-pubblikazzjoni ma tinvadix il-privatezza ta’ individwi terzi, u tfixkel investigazzjonijiet jew proċeduri oħra possibbli.
L-istqarrija qalet dan b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li ma jilqax it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta.
L-istqarrija tal-Gvern żiedet tgħid li dan il-proċess qed jittieħed b’ serjeta’ kbira, anki minħabba l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali li huwa kontra l-pubblikazzjoni.
Żied jingħad li filwaqt li japprezza l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali u l-fatt li diġà ppubblika l-konklużjonijiet, li huma l-parti essenzjali tal-inkjesta, il-Prim Ministru għadu tal-opinjoni li huwa fl-interess pubbliku li l-inkjesta sħiħa tiġi ppubblikata.
Dan kollu fid-dawl tal-fatt li issa ġie ppruvat li kien hemm attentat orkestrat minn individwi li jużaw dokumenti foloz biex jippruvaw jagħmlu frame up fuq il-Prim Ministru u familtu, u fuq kollox, attentat biex jiġu ddistabilizzati l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
L-istqarrija temmet tgħid li l-proċess ta’ analiżi mistenni jieħu ftit jiem oħra u l-pubblikazzjoni se ssir malajr kemm jista’ jkun.