Ikomplu l-manuvri kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għaddejjin ukoll fis-satra tal-lejl bi grupp ta’ eks uffiċjali tal-Partit qrib il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li qed jiltaqgħu f’uffiċċju fil-Belt fejn qed jinħema pjan biex ineħħu lil Delia. Żvela dan il-ġuranal Malta Today li kompla jirrapporta b’mod estensiv il-frame up li sar fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat, martu u qrabatu u l-effett tal-inkjesta Egrant li ħolqot xquq kbar fil-Partit Nazzjonalista.
Membri Parlamentari leali għal Simon Busuttil qegħdin jippjanaw biex iqalftu ’l barra lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Il-gazzetta MaltaToday tfisser dan bħala parti mill-isforz biex iwaqqfu lil Delia milli jissospendi lil Busuttil mill-Partit.
Sospensjoni li Busuttil qiegħed jiffaċċja wara li kien ħaġa waħda f’dik deskritta bħala l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta – il-każ Egrant – fejn l-inkjesta maġisterjali saħansitra kkonkludiet li l-akkużi fiergħa fil-konfront tal-Prim Ministru u martu kienu msejsa fuq dokumenti ffalsifikati.
Fost il-membri f’dan il-grupp, li qed jopera minn uffiċċju l-Belt, hemm l-eks segretarji ġenerali Rosette Thake u Paul Borg Olivier, l-eks President tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech, u bosta Membri Parlamentari.
Ingħad li fl-aħħar jumejn, dan il-grupp żied il-pressjoni, hekk kif il-fazzjoni ta’ Delia għadha ikbar fin-numru – għalkemm huma biss tlieta s-siġġijiet li jistgħu jagħmlu d-differenza kollha.
Il-pressjoni żdiedet ukoll fuq it-tliet deputati Għawdxin Chris Said, David Stellini u Fredrick Azzopardi biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Busuttil.
Il-MaltaToday tispjega kif skont il-Kostituzzjoni, jekk il-Membri Parlamentari favur Simon Busuttil jiksbu l-maġġoranza fl-Oppożizzjoni, saħansitra jistgħu jitolbu l-intervent tal-President tar-Repubblika biex dan jitneħħa.
It-taqlib fl-Oppożizzjoni, u l-possibilità ta’ ribelljoni waslu wkoll fil-faċċata tat-Times of Malta, li tinnota kif Marlene u Godfrey Farrugia, eletti fil-Parlament fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista, jinsabu lesti li jingħaqdu mad-Deputati ribelli u jappoġġjaw mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Kap Adrian Delia.