Il-kantanta ta’ fama mondjali Demi Lovato ddaħħlet l-isptar wara allegatament overdose.
Rappreżentant għall-kantanta spjega kif Demi tinsab konxja u stabbli mdawra bil-familja u ħbieb tagħha l-isptar.
Sors qrib tal-familja Lovato spjega mas-CNN li l-kantanta ddaħlet l-isptar wara li x’aktarx spiċċat b’overdose wara l-użu tad-droga.
Ir-rappreżentant spjega kif Demi tinsab stabbli u kif ċertu informazzjoni li qed tiġi rrapportata fuq il-mezzi tal-midja hi skorretta u li wieħed għandu jirrispetta l-privatezza tal-familja u ma jispekolax hekk kif l-aktar ħaġa importanti bħalissa hi s-saħħa ta’ Demi.
Id-Dipartiment tat-tifi tan-nar ta’ Los Angeles kkonfermaw mas-CNN li kien għall-ħabta tal-11:20, ħin ta’ Los Angeles, li daħlitilhom telefonata b’sejħa għall-għajnuna sabiex tfajla ta’ 25 sena tittieħed l-isptar.
Kien proprju ftit tal-ġimgħat ilu li Demi ħarġet kanzunetta bl-isem ta’ Sober. Kanzunetta li tittratta s-suġġett tad-droga u fiha tispjega kif wara sitt snin ‘il bogħod mid-droga reġgħet waqgħet fil-vizzju. Il-kanzunetta tgħid kif hi se tkun qed tiġġieled kontra dan il-vizzju u ser tagħmel minn kollox biex terġa’ lura fuq saqajha.
Kien proprju f’din il-kanzunetta li ħarġet l-aħbar li hi reġgħet waqgħet fil-vizzju, minkejja li fl-ebda mument ma kkonfermat jekk hux fil-vizzju tax-xorb jew dak tad-droga.