Tingħata ċans ieħor, omm żagħżugħa bi problemi ta’ kontroll tar-rabja wara allegatament episodju ta’ vjolenza domestika.
Il-mara ta’ wieħed u għoxrin sena li għandha tifel ta’ sena u li fil-preżent qed tgħix ma’ nannitha, tressqet il-qorti taħt arrest wara inċident li seħħ għall-ħabta tad-disgħa u nofs tat-Tnejn filgħaxija.
Każ li fih ġiet miċħuda t-talba tagħha għall-flus minn qarib anzjan tagħha, bil-konsegwenza li għamlet ħsara fuq il-bieb tar-residenza ta’ nannitha.
Fil-Qorti, l-omm ġiet akkużata li hedded lil nannitha, kkawżatilha biża’ u li kisret il-paċi.
Dan fost akkużi oħra relatati ma’ allegat serq ta’ tliet ċekkijiet tal-bank mingħand nannitha u ħsara volontarja għall-propjeta tal-vittma.
In-nanna tal-akkużata, li kienet ukoll preżenti fl-awla, spjegat kif in-neputija tagħha kellha problema ta’ imġiba.
Il-mara ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ elf ewro u bil-kundizzjoni li tmur tiffirma l-għassa tal-pulizija darbtejn fil-ġimgħa, ‘il bogħod mir-raħal fejn toqgħod nannitha.