Il-Konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali magħmula mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kaz tal-kumpanija Egrant ma jħallu l-ebda dubju.
Ċentrali għall-każ, kienu l-allegazzjonijiet li għamlet l-hekk imsejħa “whistle blower” Maria Efimova.
Jirriżulta li din ippreżentat dokumenti ffalsifikati biex timmonta akkużi serjissimi kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u martu.
Matul l-aħħar xhur, personalment tqażżist nara lill-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa jagħti l-patroċinju tiegħu lil Efimova.
Fost oħrajn, uża fondi tal-Parlament Ewropew biex imur Ateni, ħalli bħala deputat Ewropew Malti ma jħallihiex tiġi estradita Malta għax, skont hu — li ġie jitmejjel minn isem pajjiżna — tispiċċa ivvitimizzata.
Matul l-aħħar xhur, Casa immanvura biex iħawwad il-moħħ tad-deputata soċjalista eċċitabbli Anna Gomes, u ta’ deputati oħrajn li ma jogħġobhomx il-progress ta’ pajjiżna fil-qasam finanzjarju.
Kull difett tekniku li jista’ għandna fit-tmexxija ta’ das-settur, raw kif juruh bħala xi konfoffa kriminali. Bħallikieku mhux kull pajjiż Ewropew illum qed jaffaċċja problemi fit-tmexxija tal-istanzi regolatorji tiegħu. Dawn għandhom jiġu ffaċċjati u solvuti b’mod sobriju u determinat, mingħajr l-eċċessi ta’ akkużi vojta li wera Casa.
Għax hu ġie jaqa’ u jqum minn dan kollu — moħħu biss li mingħalih isallab il-Prim Ministru Malti.
F’Ateni qal li kien qed jitkellem f’isem il-Parlament Ewropew biex “jiddefendi” lil Efimova, li issa quddiem kulħadd ġiet murija bħala ħawwadija kriminali.
David Casa m’għadx baqagħlu postu fil-Parlament Ewropew.
L-unika ħaġa diċenti li baqagħlu jagħmel hi li jirriżenja minnu fl-aħajr interess tal-Parlament Ewropew, ta’ pajjiżna, u ninsab żgur tal-partit tiegħu.