Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli uża l-editorjal tat-Times biex iwassal messaġġ li Simon Busuttil għandu jirriżenja mill-grupp parlamentari Nazzjonalista u jmur mal-Partit ta’ Marlene Farrugia.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Puli xerred l-editorjal li ħareġ bir-ras kontra Busuttil.
Filwaqt li kompla jiġbed il-ħabel ta’ Adrian Delia, Clyde Puli f’dikjarazzjoni ddikjara li Busuttil, “Jekk trid tibqa’ membru parlamentari mur mal-Oppożizzjoni ċkejkna magħmula minn Marlene u Godfrey Farrugia.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista xerred din id-dikjarazzjoni wara li nfetħu diversi kanuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wara li sar magħruf li l-istorja t’Egrant hija gidba ċċertifikata.
Clyde Puli b’hekk qabel li bħala Kap, Simon Busuttil kien prova jieħu vantaġġ politiku fuq l-istorja t’Egrant u għamel din l-istorja bħala tiegħu bħalikieku qisu kellu evidenza b’saħħitha.
Huwa sigriet magħruf li Clyde Puli ilu bit-tiketta mal-grupp li qed jappoġjaw lil Simon Busuttil u wara li appoġġja lil Delia fit-tellieqa qalila għal Kap, Puli kien strumentali biex il-Partit Nazzjonalista jqatta’ l-karti ma’ Marlene Farrugia li dan l-aħħar, fuq l-Independent wasal biex qal li hija rrelevanti.