Aktar ma’ persuna tikber fl-istatura tagħha aktar trid tibdel il-mentalità ta’ kif tħares lejn is-sigurtà tagħha.
Dan sabiex tilqa’ għal attakki li jistgħu jsiru fuqha jew nies madwarha minn persuni li jkollhom lanżit għalihom kemm minħabba għira jew tpattija.
Mistoqsi minn One News dwar l-attakk li seħħ fuq is-Sur Chetcuti, li bena imperu f’Paceville, il-Kriminologu u Eks-Spettur tal-Pulizija John Charles Ellul jgħid li s-sigurtá mhix li jkollok persuni ta’ statura u mmuskolati mal-bieb biss, iżda tmur lil hinn minn hekk.
Spjega li ma “jibqgħux jistrieħu fuq il-livell ta’ sigurtà tradizzjonali iridu jħarsu lejn sistema ta’ sigurtà intelligenti. CCTV tinsab hemm biex tara x’ġara wara, aħna rridu sistemi intelligenti li jistgħu jkunu pro-attivi li javżaw minn qabel”
Is-Sur Chetcuti kien magħruf għall-kariżma li kellu man-nies u ma kienx jiddejjaq jitħallat man-nies. Madankollu, il-Kriminolgu jgħid li dan l-għemil jista’ jkun soġġett għal ħafna konsegwenzi. Dan għax il-persuna qiegħda f’kuntatt ma’ ħafna persuni ta’ faxxi differenti tas-soċjetà u l-għadu tagħha ma tafux.
Ellul qal li “Jista’ jkun dishwasher li int għal xi raġuni rrabjajt miegħu jew waiter jew barman u kif ħada u kif ser jirreaġixxi ma tafx u anke s-sigurtà tal-persuna m’għadhiex fuq security guard imma tiġi intelligence based”
Is-Sur Ellul jgħid li l-vendetta m’hemmx għalfejn tkun aggressjoni, imma tista’ tkun sabutaġġ.
Ellul spjega li “hacking fis-sistema tal-kompjuter, jinvadulek l-ilma, jekk kumpanija tal-catering jamlulek imsiemer fil-pasti rajnihom isiru dawn”
Huwa jisħaq ukoll fuq ir-riċerka tal-ħaddiema minn qabel.
Qal li “jiġifieri lill-impjegati tiegħek tkun taf min huma, tkun taf dwarhom u jkollok moniteraġġ kontinwu, tgħidli dan mhux abbużiv? Le dan huwa neċessarju, huwa importanti li fl-istabillimenti tiegħi nkun naf x’dieħel u x’ħiereġ.”
Dan apparti li jsir studju ta’ kuljum dwar dak li se jagħmel l-individwu u jippjana sew.
Spjega li “ biex jagħmel scouting minn qabel, immur minn qabel jara li ż-ż-ona hija clean u clear għax jistgħu jitpoġġew ħafna affarijiet fosthom bombi jew ikun hemm xi ħadd li jagreddih, jew persuna li b’xi mod trid tagħmel vendikazzjoni partikolari jew xi ħadd irrid jeħodlu ritratti”
Mistoqsi direttament dwar il-każ tal-qtil ta’ Hugo Chetcuti, l-Eks Spettur u Kriminologu Ellul jgħid li kien hemm bosta affarijiet li wieħed seta’ evita minn qabel, fosthom li l-vittma li kellu assi kbar u profil għoli ma jitħallix jgħannaq lin-nies!
Ellul qal li “imma kont inħallih f’VIP area fejn in-nies mhux jiġu kollha miegħu imma wieħed wieħed, is-sigurtà jekk ħabbart li jien se nagħmel opening min għandu għalija jew irid jagħmilli xi ħaġa jaf eżatt fejn se jkun.”
Is-Sur Ellul sostna li dawn huma prekawzjonijiet li jittieħdu meta f’ pajjiżna jiġu dinjitari u persuni distinti fejn fost oħrajn l-uffiċjal tas-sigurtà jrid joqgħod b’seba’ għajnejn għal dak li jkun għaddej madwaru.