Il-Maġistrat Aaron Bugeja temm l-inkjesta dwar l-allegazzjoni li mart il-Prim Ministru Joseph Muscat kellha kumpanija fil-Panama.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li ġie informat mill-Maġistrat Aaron Bugeja li l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Prim Ministru u s-Sinjura tiegħu tlestiet.
Qal li l-inkjesta għaddiet ukoll għand l-Avukat Ġenerali skont il-liġi u bħalissa għaddejja analiżi approfondita tal-inkjesta, li r-rapport konklussiv tagħha huwa voluminuż.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja temm l-inkjesta 15-il xahar wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat permezz tal-avukati tiegħu għamlu talba formali lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Fost l-oħrajn il-Maġistrat inkwirenti ried jistabbilixxi jekk hemmx xi dokument awtentiku li juri li xi kumpanija jew kont mhux iddikjarat setgħu kienu tal-Prim Ministru, ta’ martu jew ta’ familtu.
Fl-inkjesta jrid jiġi stabbilit jekk il-kumpanija, jew is-Sinjura Michelle Muscat jew xi membru tal-familja tiegħu, kellhomx kontijiet mhux iddikjarati fil-Pilatus Bank jew fi kwalunwke bank ieħor.
L-inkjesta riedet tistabbilixxi wkoll jekk qattx xi kumpanija, jew bank tagħha, jew il-Prim Ministru u martu, jew familtu, qattx irċevew flus minn xi ħadd fosthom minn persuni mill-Ażerbajġan, jew jekk qattx saru trasferimenti mill-Pilatus Bank lil dawn il-kumpaniji fi kwalunkwe post fid-dinja.
Fl-inkjesta ried jiġi stabbilit ukoll jekk sarux trasferimenti ta’ flus mill-Pilatus Bank lis-Sinjura Michelle Buttigieg – sieħba fin-negozju tas-Sinjura Michelle Muscat – kif ġie allegat mill-blogger Daphne Caruana Galizia. Allegazzjonijiet li kienu mtennija mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru u martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet bil-qawwa kollha.
Fi stqarrija separata l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Dr Muscat ħa konjizzjoni tal-fatt li l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u ta’ martu tlestiet u għaddiet għand l-Avukat Generali.
Qal li l-Prim Ministru ħa wkoll konjizzjoni tal-fatt li min-naħa tiegħu l-istess Avukat Ġenerali b’mod immedjat beda analiżi tagħha.
Fid-dawl tal-fatt li skont il-liġijiet tagħna hu l-Avukat Ġenerali li jirregola jekk inkjesta tistax tiġi ppubbliċizzata jew le, il-Prim Ministru talab li l-inkjesta tiġi ppubblikata.
Il-Prim Ministru se jkun qed jagħti r-reazzjoni tiegħu mal-ewwel hekk kif l-inkjesta ssir pubblika.