Għax fil-Partit Nazzjonalista spiċċa ma jagħti kasu ħadd, Adrian Delia, qed jerġa’ jitlob ir-riżenja tal-Ministru tal-Finanzi. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-PL qal li l-Ministru Edward Scicluna ħadem biex insaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, fl-istess ħin li d-deputat Mario De Marco kien l-Imrieħel jitkellem f’isem min kellu akkużi ta’ ħasil ta’ flus. De Marco mar jhedded istituzzjonijiet regolatorji biex jaqbeż għal kumpanija li kellha akkużi serji kontra tagħha u li setgħt itappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
L-istqarrija tgħid kif peró lil De Marco, Adrian Delia qed jiddefendih. B’nies bħal Mario De Marco u Adrian Delia l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kredibbli meta jitkellem dwar ħasil ta’ flus. Wieħed jaqbeż għal min kien akkużat b’hekk u l-ieħor għandu akkużi f’dan is-sens minn Daphne Caruana Galizia u sal-lum ma nistgħux nkunu nafu min qal il-verità. Dan għax Delia bil-biża’ mar jirtira l-libelli u baqa’ qatt ma’ laqa’ l-isfida li joqgħod għal inkjesta maġisterjali.