Raġel li ħarab mill-ġustizzja nġieb lura Malta wara li ġie arrestat l-Italja.
Theophilus Nwadike ta’ 39 sena min-Niġerja kien mistenni jitressaq il-Qorti flimkien ma’ Kenneth Duru ta’ 41 sena fuq akkużi ta’ konfoffa b’rabta ma’ traffikar ta’ droga eroina lura fl-2010.
Iżda ġara li ż-żewġt irġiel ħarbu minn Malta ftit qabel ma kienu se jgħaddu ġuri.
L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma qal lill-Maġistrat Audrey Demicoli kif Nwadike kien sa fl-aħħar misjub fl-Italja madwar xahar ilu wara li qatta’ sena maħrub.
Duru kien ġie arrestat lura f’Diċembru u nġieb lura Malta b’arrest simili għal dak ta’ Nwadike.
Iż-żewġt irġiel mistennija jgħaddu ġuri b’rabta ma’ dan il-każ.