10:15 – Il-Kumpilazzjoni tax-Xhieda ġiet aġġornata għal nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Settembru li ġej fid-9:30.
10:10 – Profs. Marie Theresa Camillleri Podesta li telet tixhed mat-Tabib Ali Safraz, li qalet li għamlet l-Awtopsja fuq il-Katavru nhar l-20 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, u kkonfermat lill-vittma mietet kawża ta’ ‘blast injuries’.
10:03 – Tela’ jixhed Joseph Bondin uffiċjal fl-Armata u stazzjonat fl-Eplosive Ordinance Disposal Unit. Huwa qal li primarjment xogħlu kien li jara li ma hemmx iżjed splussiv jew xi bomba oħra, sostna li meta wasal ra li kien hemm il-Protezzjoni Ċivili jitfu n-nar. Meta mitlub jikkonferma jekk kienx hemm xi splussiv ieħor fiż-żona huwa qal li le. Qal ukoll li nhar is-6 ta’ Diċembru mar fi triq oħra l-Mosta sabiex jaraw jekk kienx hemm xi splussiv f’ garaxx fil-viċinanzi.
10:00 – Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Eks Spettur Alexander Miruzzi li kkonferma sentenza fil-konfront ta’ Vince Muscat il-Koħħu dwar sentenza mogħtija fil-passat dwar każ ta’ mportazzjoni ta’ għasafar.
9:56 – Issa tela’ jixhed Mario Buttigieg li qal li ġie nominat nhar is-17 ta’ Ottubru mill-Maġistrat Dr. Anthony Vella, sabiex jara l-istorja rigward tal-karozza, jieħu ħsieb is-sigurtà tat-tinda fejn kienet qed tinżamm il-vettura. Huwa ppreżenta wkoll il-log book tal-inspections li saru fuq il-karozza meta kienet magħluqa fil-garaxx tal-pulizija.
9:47 – Issa tela’ jixhed l-uffiċjal Ruben Balzan li hu stazzjonat fir-Rapid Intervention Unit, li kkonferma ritratt li kien ħa hu malli wasal fuq il-post tal-każ nhar is-16 ta’ Ottubru fil-Bidnija. Hu spjega li regola tal-RIU – hi li meta jaslu jieħdu ritratt sabiex iservi ta’ evidenza ta’ dak li jkun ġara fuq il-post.
9:52 – Issa tela’ jixhed l-espert tal-Qorti Dr. Mario Scerri li qal li hu daħal fl-inkjesta l-għada tal-inċident, fejn qal li ħdejn il-karozza kien hemm il-pala tal-id il-leminija tal-vittma u kif ukoll ir-riġel li kien viċin il-karozza. Hu kompla jgħid kif inġabru l-bċejjeċ kollha tal-ġisem u ttieħdu l-isptar fejn mill-awtopsja rriżulta li kien hemm biċċiet tal-ħadid fil-katavru u kif ukoll il-kawża tal-mewt kienet kawża ta’ spluzzjoni. Ġa la darba iżda lill-katavru kien ‘beyond recognition’ saru xi testijiet tad-DNA ma’ iben il-vittma fejn hemm hekk ġie kkonfermat uffiċjalment lill-katavru kien ta’ Daphne Caruana Galizia.
9:41 – Beda jixhed Christoper Portelli li jaħdem fl-uffiċċju ta’ informazzjoni ta’ sigurtà li għamel extraction ta’ telefonati ta’ nies pajżana. Huwa qal li fic-CDs li qed jippreżenta hemm fost oħrajn ħames telefonati li saru wara l-inċident minn xi uffiċjali.
9:40 – Id-Deputat Avukat Ġenerali beda billi qal lill-Avukat Ġenerali ma’ oppponiex it-talba ta’ Alfred Degorgio li xi dokument esebiti ma jkunux aċċessibli għall-pubbliku.
Min-naħa tagħha l-Maġistrat Satfrace Zammit laqgħet it-talba ta’ Alfred Degorgio li jikseb kopja tal-atti msemmija fir-rikors sabiex jiġu esebitti fir-rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
Aktar qabel: Dalgħodu mistennija tkompli l-Kumpilazzjoni fil-konfront tat-tliet akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-aħwa Alfred u George Degiorgio magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż flimkien ma’ Vince Muscat il-Koħħu mistennija jerġgħu jidhru quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Dalgħodu mistennija jixhdu tmien xhieda hekk kif fl-aħħar seduta, nhar it-Tlieta li għadda l-Prosekutur Ewlieni l-Ispettur Keith Arnaud avża lill-maġistrat b’ dawk x-xhieda li għandhom jixhdu. Dan hekk kif fl-istess seduta ħadd mix-xhieda li kellhom jixhdu ma’ dehru fl-awla minħabba li skond l-Ispettur Arnaud stess u anke stqarrija tal-Pulizija, kien hemm uħud li avżaw li ma’ jistgħux jitilgħu jixhdu filwaqt li kien hemm oħrajn li nqabdu fuq xogħol ieħor.
Fl-istqarrija tagħha b’reazzjoni għal tweet ta’ Matthew Caruana Galizia, fejn allega li tmien Pulizija ma telgħux jixhdu u li skont hu dan kien juri n-nuqqas ta’ interess tal-Gvern li jiġi solvut il-każ, il-Pulizija kkonfermat li x-xhieda li ma tellgħux jixhdu kienu esperti tal-Qorti u mhux uffiċjali tal-Pulizija.
Inċidentalment Matthew Caruana Galizia ma kienx preżenti fl-awla. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati tinsab fi stadju avvanzat ħafna tant li diġà saru 14-il seduta u xehdu ‘l fuq minn 100 xhud li ttellgħu mill-Prosekuzzjoni.
Il-Prosekuzzjoni f’ dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra filwaqt li għall-akkużati qed jidhru Dr. William Cuschieri, Dr. Martha Mifsud, Dr. Josette Sultana u Dr. Martin Fenech