Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez qal fil-Parlament Spanjol li l-Gvern tiegħu se jintroduċi liġi ġdida fuq il-kunsens sesswali sabiex jitneħħew l-ambigwitajiet f’każijiet ta’ stupru.
Huwa u jħabbar il-miżuri, Sanchez qal li sess mingħajr kunsens espliċitu se jkun ikkunsidrat bħala stupru. Il-liġi se tkun simili għal dik li daħlet fis-seħħ fl-Isvezja dax-xahar stess.
Dal-pass qed isir wara li seħħ attakk sesswali fuq mara waqt il-festival famuż tal-barrin San Fermin f’Pamplona.
F’każ li qajjem ħafna rabja fi Spanja kollha, ħamest irġiel, li jsejħu lilhom infushom bħala l-grupp tal-lupi, instabu ħatja li attakkaw sesswalment mara fl-2016 iżda ġew meħlusa mill-akkużi ta’ stupru.
Id-deċiżjoni waslet għal protesti fit-toroq, filwaqt li l-grupp ta’ rġiel qed jappella kontra s-sentenza ta’ disa snin ħabs.