Raġel anzjan ġarrab ġrieħi gravi wara li f’argument mas-sieħba tiegħu hija ċarrtitlu t-testikoli b’difrejha.
Peter John Langridge ta’ 71 sena deher flimkien ma martu Eva Langridge Stasna ta’ 51 sena fil-Qorti fejn ħareġ li l-argument li kellhom, kien jinvolvi lil binhom li ma kienx sejjer tajjeb fl-iskola. Fil-Qorti ħareġ ukoll li Stasna pprovokat lir-raġel tagħha bi kliem bħal ‘pedoflu’. L-argument dam madwar siegħa u r-raġel sofra minn grif, tbenġil u gdim f’idejh, sidru u saqajh.
Fix-xhieda tiegħu r-raġel spjega kif martu waqt li kien malart, qabditlu t-testikoli u bdiet tagħfas b’difrejha. B’riżultat ta’ dan waqt beda joħroġ id-demm u kellu jmur għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira fejn kellu jiġi operat minħabba ġerħa fit-testikolu tax-xellug.
Fix-xhieda tagħha l-mara ma semmiet xejn dwar il-ġlieda u ġrieħi li ġarrab ir-raġel tagħha. Dan hekk kif qalet li saret taf dwar il-ġrieħi li kellu żewġha 10 ijiem wara minn kuġin tiegħu.
Madankollu l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li x-xhieda tal-mara mhix sodisfaċenti. Hija wkoll ikkonfermat ix-xhieda tar-raġel hekk kif din kienet taqbel mar-riżultati mediċi.
B’riżultat ta’ dan il-Qorti sabet lill-mara akkużata li darbet serjament lil żewġha, ħatja. Hija ġiet ikkundannata għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u anke ġiet ordnata tirċievi kura psikoloġika għal sentejn. Il-Maġistrat spjegat li l-unika raġuni għala l-akkużata mhux se tingħata sentenza effetiva ta’ ħabs hija minħabba li din kienet l-ewwel darba li xellfet difrejha mal-ġustizzja.
l-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni lill-vittma mill-akkużata, valida għal 3 snin.