Aktar minn sittin parteċipant se jkunu qed jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel, ċelebrazzjoni kulinari tal-aqwa kċejjen minn madwar id-dinja.
Minn sena għal oħra dan l-avveniment qiegħed jiġbed interess kbir, kemm mill-Maltin u minn għadd ta’ turisti li jżuru l-Imdina għal dan l-avveniment.
Id-dawra tal-belt siekta, l-Imdina se tkun iddominata mill-irwejjaħ tal-kċina Amerikana, Ġermaniża, Taljana, Spanjola, Orjentali, Tajlandiża, Indjana, Griega, Belġjana, Ingliża, Lebaniża u ovjament dik Maltija.
It-tjubijja, d-dettal u l-versatilita’ ta’ ‘l fuq minn mitt platt differenti ser ikunu akkumpanjati bl-ifjen deżerti Siċiljani, tradiżżjonali Maltin u oħrajn li jinżlu għasel matul il-ġranet sħan tas-sajf.
L-aqwa artisti lokali ser ikunu qiegħdin joffru divertiment matul kull lejl. Ser ikun hemm ukoll żona speċjali fejn fiha ser ikun hemm numru ta’ inizjattivi interessanti organizzati minn Heritage Malta, bl-għan li jippromwovu l-gastronomija Maltija f’kuntest storiku.
Il-festival se jibda nhar il-Ħamis li ġej u jibqa’ għaddej sa tmiem il-ġimgħa.
Għal dan il-festival, se jkun offrut ukoll Servizz ta’ Park & Ride minn Triq l-Infetti r-Rabat.