L-affreski storiċi tal-Assedju l-Kbir li jinsabu mal-ħitan tas-sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz Presidenzjali se jiġu rrestawrati u kkonservati b’invesitment ta’ madwar tlett mitt elf ewro.
Ix-xogħol ta’ restawr fuq l-affreski tal-artist Matteo Perez d’Aleccio mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin u se jdum għaddej fuq medda ta’ tliet snin.
F’konferenza tal-aħbarjiet fis-sala tal-Gran Kunsill, il-Professur Joanne Cassar mill-Università ta’ Malta, spjegat il-ħidma li se ssir biex jiġu rrestawrati dawn l-affreski li tul is-snin ġarrbu bosta ħsarat.
Spjegat li fil-passat sar intervent ieħor ta’ restawr fuq dawn l-affreski minn tim mill-Università ta’ Dresdin fil-Ġermanja fil-bidu tas-snin elfejn. Madanakollu, it-tim Ġermaniż ma lestiex ix-xogħlijiet kollha, u ħalla iktar minn nofs l-affreski kif kienu.
“Dawn għamlu xogħol importanti ħafna, iżda l-ħasra hija li qatt ma tlestew.”
Il-Professur Cassar qalet li f’Ottubru li ġej, se jibda kors ġdid ta’ Masters fl-Università ta’ Malta, għal studenti li jixtiequ jibqgħu jistudjaw il-konservazzjoni u r-restawr.
Matul il-kors ta’ tliet snin, l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jaħdmu fil-qrib mal-konservazzjonisti li se jieħdu ħsieb dan il-proġett. Dan bil-għan li jiksbu l-esperjenza meħtieġa, waqt li jaħdmu fuq dan il-proġett.
Il-Professur Cassar spjegat li qabel jibda x-xogħol tal-idejn, se ssir riċerka estensiva dwar l-affreski biex isiru eżattament kif kienu oriġinarjament.
Imbagħad, se jintrama scaffolding fis-sala, minħabba li x-xogħol se jsir fuq il-post stess. Hawn il-konservazzjonisti, se jduru l-affreski biċċa, biċċa, fejn se jkissru u jibdlu l-biċċiet li hemm bżonn.
L-istoriku Emmanel Magro Conti tkellem dwar l-importanza tal-affreski. Spjega li l-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien ħass il-ħtieġa li jiddokumenta l-istorja tal-Assedju permezz tal-affreski mal-ħitan tas-sala.
“Dan il-Gran Mastru La Cassier, li kien wieħed mill-Kavallieri li ħa sehem u baqa ħaj waqt l-assedju, flimkien mal-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien La Vallette, ried meta sar Gran Mastru hu, u meta kienet qed tinbena din is-sala, tkun dekorata b’dawn l-affreski.. tqabbad dan l-artist tant importanti, anke għal dak iż-żmien, ġie mistieden għal Malta u beda x-xogħolijiet, u għamel dan iċ-ċiklu.”
Huwa fakkar kif fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Palazz tal-Gran Mastru ma ħelishiex mill-attakki tal-għadu, tant li partijiet minnu inqerdu għalkollox. Iżda b’miraklu s-sala tal-Gran Kunsill u l-affreski ma ntmessux.
Il-President ta’ Malta, Marie Louise Colerio Preca ddeskriviet ix-xogħlijiet bħala importanti ħafna. Qalet li bis-saħħa ta’ dan il-proġett, se jiġi ssalvagwardjat parti integrali tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Iċ-Ċermen ta’ Heritage Malta, Anton Refalo qal li l-aġenzija qed tinnegozja mal-Unjoni Ewropea, fejn mistennija tikseb għaxar miljun ewro ta’ fondi ewropej biex tkompli tagħmel proġetti oħra simili.