Michael Caruana Turner ta’ għoxrin minn Birkirkara mixli bil-qtil involontarju ta’ Tim Scholten f’Tas-Sliema se jkun jista’ joħroġ minn daru bejn it-tmienja ta’ filgħodu u tmienja ta’ filgħaxija wara li l-Qorti Kriminali laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali u bidlet il-kundizzjoni ta’ house arrest.
Il-ġimgħa l-oħra Caruana Turner li jinsab mixli li tajjar u qatel liż-żagħżugħ Olandiż u darab ħamsa oħra fuq ix-xatt ta’ Tas-Sliema, ingħata ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma joħroġx mid-dar.
L-Avukat appella mid-deċiżjoni u sostna li l-ewwel qorti ma messiex laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Minn naħa l-oħra qalet li jekk ħasset li m’hemm ebda biża, messha tatu l-ħelsien mill-arrest taħt il-kundizzjonijiet normali mingħajr il-house arrest.
Fid-digriet tagħha, il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-kundizzjoni ta’ house arrest hija kundizzjoni effettivament waħda ta’ arrest u mhux ħelsien minnu.
Il-Qorti għamlet referenza għal żewġ digrieti fejn ingħata l-house arrest u nnotat li għal kuntrarju tal-każ tal-akkużat, fiż-żewġ każijiet, l-akkużati kienu ġew mixlija b’reat ta’ natura volontarja.
Il-Qorti Kriminali żiedet tgħid li ladarba l-ewwel qorti kienet propensa li tagħti l-libertà proviżorja lill-imputat, ma kienx hemm għalfejn timponi kundizzjoni bħal dik tal-house arrest.
Kien għalhekk li laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali u awtorizzat lill-akkużat joħroġ minn dar bejn it-tmienja ta’ filgħodu u tmienja ta’ filgħaxija. Il-qorti ordnat ukoll li l-kundizzjonjiet l-oħra jibqgħu kollha fis-seħħ.