Kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-bomba li tpoġġiet taħt il-vettura tan-negozjant Mario Scicluna f’Jannar li għaddha fil-Fgura.
Infurmat bil-każ għall-ħabta tas-18:30 ta’ filgħaxija, Surġent mill-għassa ta’ Raħal Ġdid spjega kif fuq telefonata s-sieħba ta’ Scicluna Elaine Galdes, qaltlu li nstemgħa ħoss barra. Huwa spjega wkoll kif il-karozza tal-għamla Mitsubishi kienet fuq imniżżla f’isem Mario Scicluna.
Is-Surġent kompla billi qal li ħames minuti wara kien fuq il-post u li taħt il-karozza kien hemm qisu munzell trab filwaqt li quddiem il-karozza kien hemm xi ħaġa li tixbaħ batterija.
Il-ġirien ikkonfermaw il-ħoss li semgħet Galdes hekk kif qalu lill-pulizija li semgħu ħoss ta’ bomba żgħira.
Galdes kienet spjegat kif kienet ilha ma’ tuża l-karozza minħabba li bdiet tmur ix- xogħol bil-mixi. B’riżultat ta’ dan il-karozza kienet ilha ipparkjata fi Triq Sant’ Antnin mill-ewwel ta’ Jannar.
Is-Surġent spjega li ħalla l-ħidma f’idejn it-Taqsima tal-iSplussivi fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta.