- L-MGA żżid l-infurzar
Il-Malta Gaming Authority żiedet b’mod qawwi ħafna l-ispezzjonijiet tagħha fi stabbilimenti tal-logħob madwar il-pajjiż.
Fost l-iktar li raw żieda fl-ispezzjonijiet għal għarrieda kien hemm il-ħwienet tal-logħob fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Fl-2015 kien hemm 655 spezzjoni f’dawn it-tip ta’ ħwienet u s-sena l-oħra dawn telgħu għal 2,190. Żieda sostanzjali. Dan jirriżulta mir-rapport annwali tal-MGA li wera wkoll kif kienu kbar l-ispezzjonijiet fil-bini tal-Casino. Filwaqt li fl-2015 kien hemm 6,188 spezzjoni, is-sena l-oħra dawn telgħu għal 10,417-il spezzjoni.
B’kollox, inkluż fl-ispezzjonijiet il-bingos u l-attivitajiet tal-Maltco, l-ispezzjonijiet is-sena l-oħra telgħu għal numru rekord. Filwaqt li fl-2015 kien hemm 8,110 spezzjoni, is-sena l-oħra dawn telgħu għal 14,826.
Dan ifisser kif filwaqt li s-settur tal-logħob qed iħalli iktar flus fil-kaxxa ta’ Malta u joħloq iktar impjiegi, għaddej sforz kbir bil-għan li dan isir skont regoli ċari u jitnaqqas l-abbuż. Fil-fatt bi 53 impjegat it-taqsima tal-infurzar tal-MGA hija fil-fatt l-ikbar waħda u warajha hemm it-taqsima regolatorja.