- Ir-rebħa fil-Qorti ta’ Nikki Dimech tpoġġi pressjoni ġdida fuq Robert Arrigo
- Il-protagonist fil-każ li ddomina għal ġimgħat fl-2008 jdur ma’ suldat ta’ Robert Arrigo, li d-deputat nazzjonalista ried jaġevola
Il-każ fejn Nikki Dimech, Eks Sindku ta’ Tas-Sliema, ma nstabx ħati ta’ tixħim jitfa’ dawl fuq il-mod kif jaħdem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo.
Dan hekk kif riċerka fl-atti tal-kawża juru li Robert Arrigo ta arja lill-protagonist li spiċċa jagħmel l-akkużi kontra Dimech. Dimech ma nstabx ħati mill-Qorti tal-Maġistrati wara li qorti oħra, fi stadju ta’ appell, kienet ħassret l-ewwel proċeduri li saru kontra tiegħu.
Protagonist f’dan kollu kien hemm ċertu Stephen Buhagiar li għamel l-allegazzjonijiet kontra Dimech wara li dan u l-Kunsill Lokali waqqfulu l-kuntratt ta’ xogħol għax ma kienx qed jagħmel xogħlu sew.
Buhagiar kien imwiegħed li se jidħol jaħdem il-Kunsill ta’ Tas-Sliema minn Arrigo nnifsu li min-naħa tiegħu, meta fl-2009 Dimech laħaq Sindku, għamel pressjoni kbira. Pressjoni kontinwa u mhux unika tant li Nikki Dimech kien xehed hekk: “Bil-pressure li kien jagħmilli, pressure voldieri trid iddaħħal lil dak, trid tagħmilli hekk, tefa’ ħafna qarnit. Dawk in-nies li hu xtaq jeħles minnhom tefagħhom fuqi.”
Jissemma li s-Segretarju Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien ukoll kien jaf li din kienet imwiegħda lil Buhagiar minn ta’ Arrigo għax qabel Dimech, sindku kien hemm Marina, mart il-Viċi Kap tal-PN. Jirriżulta wkoll li Buhagiar ma kienx iħalli lil Dimech kwiet.
“Kien jiġi kuljum l-uffiċċju tiegħi personali ta’ Ta’ Xbiex idoqq il-qanpiena u jgħidli dak it-tender huwa tiegħi, dak il-post huwa tiegħi,” kien xehed Dimech li kien fisser kif dan Xuereb kien jaħdem ma’ Robert Arrigo bħala xufier. Robert Arrigo kin tah x’jifhem li jista’ jieħu kuntratt b’direct order u jitħallas persentaġġ tal-kuntratti li kien se jispezzjona. Xi ħaġa li ma setgħetx issir u bilfors kellha toħroġ sejħa għall-offerti li Buhagiar ma kienx kuntent biha għax kien se jdaħħal ferm inqas minn dak imwiegħed.
Iżda, eventwalment rebaħ l-offerta għax kien l-irħas. Però xogħlu ma kienx qed jagħmlu sew. Tant li kien allegat li kien qed iwassal lil Robert Arrigo ’l hemm u ’l hawn u dawk li tilfu s-sejħa ħadulu r-ritratti. Iktar minn hekk irriżulta li kien qed jagħmel xogħlijiet oħra fl-istess ħin li suppost kien qed jaħdem għall-Kunsill Lokali u l-Kunsill Lokali waqqaflu l-kuntratt.
Iżda, Robert Arrigo mar għand Nikki Dimech biex iġiegħlu jerġa’ jdaħħal lil Buhagiar. Fost oħrajn dan f’laqgħa fejn kien hemm kunsillier ieħor bl-isem ta’ Bobby Cali fejn Cali u Arrigo spiċċaw jitgħajru bil-każ jispiċċa għand Paul Borg Olivier, dak iż-żmien Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li qalilhom “things go on as usual”.
Però eventwalment Dimech issejjaħ id-Depot għax fuqu saret l-akkuża li talab flus lil Buhagiar biex jieħu l-kuntratt. Dimech tkellem kif kien stmat fid-depot. Ħażin ħafna, fi kliemu. Iżda, iktar minn hekk, irrakkonta Dimech, baqa’ mistagħġeb kif siegħa u nofs wara ċempillu Paul Borg Olivier jitolbu jirriżenja. “Għidtlu int fejn taf x’mort ngħid? Jien għadni ħiereġ minn hemm siegħa u nofs qabel int taf x’mort ngħid hemm,” irrakkonta Dimech f’każ li jitfa’ dawl dwar il-mod kif jaħdem Robert Arrigo, Deputat tal-10 distrett u llum Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista bl-irwol li jieħu lejn l-istamperija kemm jista’ jkun f’donazzjonijiet.
Wara li analizzat il-każ li kien jinkludi din ix-xhieda u ħafna iktar, il-Qorti ħelset lil Dimech filwaqt li ħafna kkummentaw x’se jiġri issa wara dawn is-snin kollha fejn fil-PN Dimech ukoll kien spiċċa fil-mira ta’ attakki mill-iktar ħarxa.