Ibrahim Ben Jeddi nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li nhar il-Ġimgħa kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna u ġrieħi ħfief fuq żewġ persuni oħra. Dan wara li flimkien ma’ persuna mhux identifikata, kellu argument ma’ tliet Żvediżi f’residenza f’Tas-Sliema. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Libjan, li għandu 36, sena għamel ħsarat fl-appartament tal-Isvediżi fosthom ħsara fuq il-bieb tal-imsemmi appartament.
Huwa ġie arrestat ftit tal-ħin wara mill-membri tar-Rapid Intervention Unit, u nstab li kien fuq bail għal każ seperat, mogħtija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Huwa mifhum ukoll li dawk involuti fl-argument kienu jafu lil xulxin sew, u mhux eskluż li seta’ kellhom xi tip ta’ negozju.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca spjegat li nhar il-Ġimgħa l-Pulizija ġiet imsejħa fuq argument, fejn instab li żewġ persuni sgassaw il-bieb u daħlu f’appartament, fejn hemm seħħ l-argument. Iktar tard ġiet stabblita l-identità ta’ wieħed minnhom fejn ftit tal-ħin wara r-raġel ġie arrestat.
Il-Qorti kkonvalidat l-arrest wara li l-Avukat Difensur ma kkontestahx, iżda talab għall-ħelsien mill-arrest, fejn għal-liema talba l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal diversi fatturi fosthom il-gravità tal-każ u li hemm diversi persuni li għad iridu jixhdu u anke b’mod partikolari għaliex mal-akkużat kien hemm persuna oħra li l-identità tagħha għadha mhux magħrufa u b’ hekk għadha mhux arrestata.
Apparti minn hekk, l-Ispettur Mercieca qal li fl-istqarrija tiegħu, l-akkużat qal lill-Pulzija li meta joħroġ mill-arrest se jerġa’ jmur għal flus li għandhom jagħtuh il-vittmi.
Filfatt kien hawn li rriżulta li l-kwistjoni nqalgħet għax l-akkużat għandu jieħu l-flus mingħand il-vittmi.
Min-naħa tiegħu d-difiża sostniet li l-akkużat għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest, għax juri li l-imputat diġà għandu rabta ma’ dawn il-gzejjer kif jidher f’digrieti oħra ta’ ħelsien mill-arrest.
Il-ħelsien għandu jingħata wkoll għal fatt li fl-istqarrija tiegħu jrid flusu lura u jekk joħroġ se jmur għalihom, dan ma kienx ifisser li sejjer jagħmel dan bi ġlied, imma bil-mezzi legali.
Fil-Qorti l-akkużat, pjuttost kalm, wieġeb għall-mistoqsijiet kollha tal-Qorti, iżda l-Qorti ċaħdet it-talba mill-ħelsien mill-arrest u talbet lill-Ispettur Mercieca biex ikompli jaħdem ħalli jistabbilixxi l-identità tal-persuna l-oħra filwaqt li jressaq lill-vittmi biex jixhdu fl-ewwel seduta.