Ftit xhur biss wara li tlestew ix-xogħlijiet fiż-żewġ roundabouts ta’ Vjal l-Avjazzjoni issa l-Gvern beda x-xogħlijiet fl-istess triq.
Lawrence Darmanin, mid-Direttorat tat-Toroq ta’ Transport Malta spjegalna li b’dawn ix-xogħlijiet it-triq li twasslek mill-Ajruport lejn Ħal Luqa se tiżdidilha karreġġjata oħra sabiex il-karozzi li mill-mina ta’ Ħal Kirkop iridu jmorru lejn Ħal Luqa jistgħu jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jfixklu t-traffiku li ġej mit-triq tal-Ajruport.
Ix-xogħolijiet fuq din it-triq bdew din il-ġimgħa u permezz ta investiment ta’ madwar nofs miljun ewro mistennija jkunu lesti sa mat-tfal jidħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola.
Dawn ix-xogħlijiet mistennija jtaffu mill-problemi tat-traffiku affaċċjati mir-residenti ta’ Ħal Kirkop, il-Qrendi, iż-Żurrieq, L-Imqabba u Ħal Safi hekk kif issa se jkollhom karreġġjata ddedikata għalihom. Dan il-proġett qed jantiċipa wkoll il-volum ta’ karozzi tal-istudenti li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li mis-sena skolastika li jmiss se jibda’ jopera mill-eks uffiċini tal-Air Malta sakemm jinbena l-kampus il-ġdid fi Smart City.
Tul it-triq kollha se tinbena wkoll cycle lane u bankina ġdida sabiex dawk li jagħżlu li jivjaġġaw bir-rota u bil-mixi jkunu jistgħu jagħmlu dan b’mod mill-aktar sigur.