Illum ingħata bidu għal-LEN European Junior Open Water Swimming Championships, li qed isir f’Tas-Sliema. Hawnhekk, l-aqwa għawwiema żgħażagħ tal-kontinent qed jgħumu f’numru ta’ tlielaq.
Fil-fatt f’pajjiżna, bejn illum u l-Ħadd, se jikkompetu 198 għawwiem minn 23 pajjiż. Fil-programm: dawk ta’ età bejn erbatax u ħmistax-il sena b’għawma ta’ ħames kilometri. Dawk ta’ bejn sittax u sbatax-il sena b’għawma ta’ seba’ kilometri u nofs, u dawk li ta’ tmintax u dsatax-il sena b’għawma ta’ għaxar kilometri.
Fl-aħħar nett, il-Ħadd se tittella’ relay bejn il-pajjiżi. Intant dalgħodu iċ-Chairperson ta’ Marigold Foundation, Michelle Muscat – li ftit tal-jiem ilu għamet 12-il kilometru – tat il-medalji liż-żgħażagħ rebbieħa tal-ewwel tellieqa tal-lum: dik tal-5km għall-ġuvintur ta’ bejn 14 u 15-il sena.
Fil-quċċata Franċiż, bit-tieni u t-tielet post imorru għal żewġ Russi. Fl-istess okkażjoni, il-President tal-ASA – Joe Caruana Curran – ta donazzjoni lis-Sinjura Muscat għall-Fondazzjoni Marigold.