Luke Chetcuti, iben l-impreditur li lbieraħ filgħaxija tilef il-battalja mal-mewt wara li safa aggrediet f’Paceville sellem lil missieru u qal li se jkompli jibni fuq l-imperu li ħalla warajh.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu fuq il-midja soċjali, iben Chetcuti qal li qatt ma kien jimmaġina li kien se jlissen dawn il-kliem dwar missieru. Qal li għadu qed jittama li din hija biss ħolma kerha li jixtieq iqum minnha.
Akkumpanjat b’ritratt li tella’ ma’ missieru u wliedu f’Jum il-Missier ta’ sentejn ilu, huwa qal li wiegħed lil missieru se jkompli l-legat tiegħu u se jibqa’ jagħmel dan sal-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu.
“Int għallimtni ħafna u dan se nkun qed napplikah matul ħajti. Fiżikament m’intix se tkun magħna iżda naf li se tkun magħna fl-ispirtu u se tkun qiegħed tħarsina. Kont id-dinja għalija, missieri u l-akbar ħabib tiegħi. Inħobbok għal dejjem pa u nwiegħdek li se nibqa’ nibni l-imperu li ħallejt warajk. Strieħ fis-sliem missier”, temm jgħid iben Chetcuti.