“Malta hi d-destinazzjoni ewlenija għal kumpaniji innovattivi” – is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri
“Qed inkomplu nkunu iżjed sodisfatti bl-opportunitajiet vibranti fil-qasam tal-blockchain f’Malta” – Changpeng Zhao, il-Fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ Binance
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri laqa’ l-ħidma ta’ Binance biex jitwaqqaf Founders Banks. Meta jkun liċenzjat, Founders Bank se jkun l-ewwel bank fid-dinja li jkun diċentralizzat u mmexxi mill-komunità tal-blockchain.
“Kien biss ftit tal-jiem ilu li daħlu fis-seħħ il-liġijiet u l-komunità tal-blockchain li qed topera f’Malta diġà qed timplimenta l-proġetti tagħha li se jwasslu għal settur ekonomiku ġdid. Aħna nilqgħu b’sodisfazzjon lil Founders Bank u nħares ’il quddiem biex is-soluzzjonijiet li se joffru fil-qasam tal-Fintech jattiraw iżjed kumpaniji internazzjonali lejn il-blockchain island u jkunu ta’ kontribut għall-ekosistema. Onorati li ġejna magħżula bħala l-post għall-ewwel komunità globali li se jkollha bank fl-istess waqt li jimxi bi trasparenza u r-regolamenti”, qal Silvio Schembri, filwaqt li żied li d-deċiżjoni tal-kumpaniji involuti fil-Founders Bank hi riżultat taċ-ċertezza legali li toffri Malta.
Il-moħħ wara l-proġett għandu l-ħsieb li jressaq soluzzjonijiet progressivi lid-dinja tal-innovazzjoni u l-blockchain. Founders Bank se joħroġ offerta permezz ta’ pjattaforma ta’ Neufund u f’ambjent legali joħroġ equity tokens b’Binance – li hi l-ikbar kumpanija ta’ skambji fid-dinja – tkun l-ewwel u l-akbar investitur fi ħdan il-kumpanija.
Malli jingħata l-liċenzja Founders Bank mhux biss se jkun l-ewwel bank fid-dinja diċentralizzat u mmexxi minn komunità iżda se jibgħat sinjal ta’ kif jista’ jidher il-futur għall-industrija bankarja. “Ninsabu eċitati għax mhux biss se nkunu l-ewwel investituri fi ħdan din il-komunità inklussiva li qed tkun pijuniera iżda wkoll inħarsu ’l quddiem li nesploraw servizzi bankarji varji. Qed inkomplu nkunu iżjed sodisfatti bl-opportunitajiet vibranti fil-qasam tal-blockchain li Malta toffri u nħares ’il quddiem għal iktar kollaborazzjonijiet fir-reġjun”, qal il-Fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ Binance Changpeng Zhao.
Founders Bank se jara li jservi lin-negozji fl-oqsma tal-crypto u tat-teknoloġija filwaqt li jagħti soluzzjonijiet bankarji tal-ogħla livell. Min jużah se jkollu aċċess għall-kont kemm fuq mobile phones kif ukoll permezz ta’ applikazzjoni u jkunu jistgħu jużaw il-credit cards li jkunu maħruġa minn Founders Bank stess. Il-kumpanija bħalissa qed tistenna li tingħata l-liċenzja bankarja f’Malta li hi stmata li tkun maħruġa fl-ewwel nofs tal-2019 u tkun tista’ tospita l-Equity Token Offering permezz tal-pjattaforma Neufund aktar tard din is-sena. L-għan hu li jservi ta’ pont bejn id-dinja finanzjarja tradizzjonali u l-kumpaniji innovattivi fil-qasam tal-crypto.