Wara tkabbir ekonomiku ta’ 6.4 fil-mija matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassir li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jibqa’ wieħed b’saħħtu matul ix-xhur li ġejjin.
Fl-aħħar analiżi tagħha tal-ekonomija Maltija, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tkompli toħloq aktar impjiegi wara li pajjiżna rreġistrata rekord fit-tnaqqis tal-qgħad u żieda fis-suq tax-xogħol.
Qalet li dan kien riżultat ukoll taż-żieda fil-ħaddiema barranin u żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Żiedet tgħid li l-Prodott Domestiku ta’ Malta mistenni jiżdied għal 5.4 fil-mija matul din is-sena, u ħamsa fil-mija matul is-sena d-dieħla.
Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-investiment mistenni jirkupra b’mod b’saħħtu matul is-sena d-dieħla bis-saħħa ta’ proġetti fil-qasam tas-saħħa, it-teknoloġija u setturi tat-telekomunikazzjoni.
Żiedet tgħid li r-rata ta’ tkabbir b’saħħitha fl-investiment residenzjali mistennija timmodera minħabba tnaqqis mistenni fil-popolazzjoni.
Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni tikkonferma wkoll li pajjiżna għandu fost l-inqas rati tal-elettriku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Tgħid li l-prezzijiet irregolati tal-elettriku u l-pagi moderati għenu biex l-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet taħt il-medja fiż-Żona Ewro.