Heritage Malta qed toffri opportunitá mhux tas-soltu lill-pubbliku li jesplora l-fortifikazzjonijiet li jdawwru l-Port il-Kbir u l-madwar minn fuq il-baħar.
Din l-attivitá, li se ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ Lulju, tinkludi dawra bid-dgħajsa mal-Port il-Kbir u dawk preżenti se jkollhom spjega minn gwida ta’ Heritage Malta. Iż-żjara tinkludi d-diversi portijiet fil-Port il-Kbir u Marsamxett, bħall-Port tal-Franċiżi, il-Port tal-Marsa u l-Lazaretto.
Il-vjaġġ bil-baħar jitlaq minn quddiem il-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu fis-7.00pm. L-ispjega se tiffoka l-aktar fuq l-istorja tal-fortifikazzjonijiet mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann u mill-Britanniċi kemm waqt u wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Wara li tintemm id-dawra fuq il-baħar, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jirrilassaw b’riċeviment żgħir fuq it-terrazzin tal-Mużew Marittimu li jagħti fuq il-jott marina tal-Birgu.
In-numru ta’ biljetti huwa limitat u jistgħu jinxtraw għall-prezz ta’ €18 għall-adulti u €15 għall-anzjani, studenti, membri ta’ Heritage Malta u tfal, mis-siti u mużewijiet tal-aġenzija jew online www.heritagemalta.org.
Għal iktar tagħrif ċemplu fuq 23954242.