Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal li hija prijorita` l-assistenza lil popolazzjonijiet f’art twelidhom biex tkun evitata l-immigrazzjoni sfurzata. Fl-intervent tiegħu fil-Parlament Ewropew Dr Sant spjega għaliex ivvota favur Rapport li rrakkomanda abbozz dwar l-emendi tal-budget bl-għan li jkunu mobilizzati €500 miljun għal finanzjament tal-akbar parti tal-budget tal-2018 iddedikata lil Faċilita` tar-Refuġjati fit-Turkija. Dan il-finanzjament se jkun iddedikat l-aktar għall-edukazzjoni ta’ tfal Sirjani refuġjati fit-Turkija.
L-Ewroparlamentari qal li s-somma ta’ €500 miljun Ewro hija meħtieġa biex titkompla l-edukazzjoni tat-tfal refuġjati fit-Turkija. Peress li nafu kemm faċilment is-sitwazzjoni tar-refuġjati fit-Turkija tista’ tispiċċa f’ħoġor l-UE, kull assistenza f’dan ir-rigward għandha tingħata prijorita`.
“Il-Faċilita` tar-Refuġjati fit-Turkija hija t-tweġiba tal-UE biex tagħti appoġġ lir-refuġjati f’pajjiż ta’ transitu. Dan il-finanzjament huwa wkoll kruċjali għal kull tama ta’ suċċess li jista’ jkollha l-politika tal-ażil tal-UE. Il-provvediment tal-finanzjament meħtieġ biex jiġu pprovduti l-ħtiġijiet u l-opportunitajiet bażiċi għar-refuġjati fit-Turkija, speċjalment lit-tfal refuġjati, huwa essenzjali. Il-mudell tat-Turkija bil-kisbiet tiegħu jista’ jipprovdi direzzjoni tajba fejn dan ma jkunx possibbli. “
L-oqsma ewlenin huma l-assistenza umanitarja, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-immigrazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u l-appoġġ soċjoekonomiku. Skond il-Ġnus Magħquda, it-Turkija attwalment tospita aktar minn 3.5 miljun refuġjat Sirjan reġistrat u ta’ min ifaħħarha għall-isforzi li qed twettaq biex tipprovdilhom appoġġ u għajnuna umanitarja.
Ir-rapport għadda b’548 voti favur, 70 kontra u 61 astenzjoni.