“Kienet għawma sabiha li ġabet magħha sfida kbira- iżda hija esperjenza li ma jien ħa ninsa qatt.” Hekk saħqet ma’ ONE NEWS is-Sinjura Michelle Muscat li s-Sibt illi għadda rnexxielha tegħleb l-isfidi li ġabu magħhhom l-elementi tan-natura u għomiet 12-il kilometru mill-Qawra sal-Bajja tal-Għadira.
Minkejja li t-temp ma kienx wisq favorevoli bil-baħar minn moderat għall-qawwi u r-riħ forza ħamsa, is-Sinjura Muscat qalet li ladarba ma kienx hemm twissija oħra għall-għawwiema sabiex ma jinżlux jgħomu- b’wiċċha minn quddiem hija kienet lesta biex taffaċċja l-isfida li kienet ser iġġib magħha din l-għawma b’risq għan nobbli:
“Jien għedt la filgħodu ma kien hemm ebda avviż- għedt ħa nipprovaw. La qbist u bdejtha kont naf li ħa nispiċċaha – despite li ħaditli aktar hin u kien force 5. Kelli ġenn biex nasal biex ma jkomplix jiżdied – aktar ma kien qawwi. Once li qbist I never thought li nitla- neħodha bil-pass tiegħi – li ma nieqaf qatt.”
Bi tbissima fuq fommha, is-Sinjura Muscat qalet illi minkejja li l-għawma ħaditilha aktar ħin minn dak skedat fiż-żewġ provi li għamlet, xorta waħda ma qatgħatx qalbha- u l-istess għandu jkun għal dak l-individwu li jkun għaddej mid-diffikultajiet li ġġib magħha l-ħajja:
“Bħala għawma minkejja li kont preparata biex nagħmel strokes differenti, tant kien hemm kurrenti qawwijin li spiċċajt bl-istess teknika- stress kbir fuq dahri, saqajja u idejja. Imma kuntenta li rnexxieli nagħmilha u forsi wkoll inkun ta’ eżempju biex min ikun qed jaqta qalbu fil-ħajja jagħmel kuraġġ.”
Mistoqsija dwar il-pass li jmiss, is-Sinjura Muscat indikat li jaf ikun hemm kunċett differenti:
“Issa lhaqt it-12-il km nahseb li huwa distanza twila forsi issa mis-sena d-diehla l-aw naraw naghmlux kuncett differenti u nghomux b’kuncett differenti.”
Il-flus kollha li ser jinġabru mill-isfida Rock to Rock se jmorru b’risq it-tfal li ser jirrappreżentaw lill-Malta fl-Olimpjadi Speċjali f’Abu Dhabi kif ukoll b’risq il-Fondazzjoni Richmond, fejn l-ewwel €50,000 se jmorru b’risq din il-Fondazzjoni li għandha proġett li ttejjeb l-istruttura tad-dar li tilqa’ fiha tfal li għaddejjin minn problemi ta’ mġiba kif ukoll emozzjonali.